It-titlu Nazzjonali tad-Duathlon intrebaħ minn Margaret Seguna ta’ Mosta Tri Team u Shaun Galea ta’ Pembroke Atleta Triathlon & Athletics Club f’tellieqa li ttellgħet mil-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon bil-kollaborazzjoni ta’ Eurosport Malta. Seguna issa rebħet tliet kampjonati konsekuttivi filwaqt li Galea ċċelebra l-ewwel titlu tiegħu f’din id-dixxipina.

Galea rnexxielu jtemm il-kompetizzjoni f’ ħin ta’ siegħa, 8 minuti u 21 sekonda, b’vantaġġ ta’ iktar minn minuta fuq Michael Bongailas u Bernard Sant li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Fil-kategorija tan-nisa, Seguna kompliet tiddomina f’kompetizzjoni li ilha tirbaħ mill-2017 hekk kif żammet il-vantaġġ li kisbet fl-ewwel ġirja sabiex spiċċat it-tellieqa f’ ħin ta’ siegħa, 17-il minuta u 47 sekonda. Lara Buttigieg ikklassifikat fit-tieni post filwaqt li Anjelika Ruggier kisbet l-aħħar post fuq il-podju.