Illum irritornaw Malta l-atleti tal-Ispecial Olympics.

Huma kienu qed jikkompetu f’Abu Dhabi fejn rebħu total ta’ 41 medalja. Skont is-sit tal-Ispecial Olympics l-atleti ġabu lura 13 il-midalja tad-deheb, 13 oħra tal-fidda, u 15 tal-bronz.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, il-President tal-Ispecial Olympics Malta u l-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat qalet li tinsab kburija ħafna bir-riżultat li nkiseb. Qalet li kienet tobsor li Malta se tmur tajjeb però qalet li wieħed qatt ma jkun ċert qabel ma jmur jikkompeti. Fakkret li Malta kienet qed tikkompeti kontra 190 pajjiż u 7,500 atleti oħra. Temmen li l-ingredjent speċjali li wassal għar-riżultat ta’ Malta kien l-imħabba li tintwera lejn l-atleti u l-imħabba li huma juru lil min jieħu ħsiebhom.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus qal li r-rizultat miksub mill-kontingent din is-sena huwa wieħed pożittiv ħafna u li għandu jkun ta’ ispirazzjoni għall-atleti l-oħrajn sabiex jistinkaw biex Malta tibda tirreġistra riżultati aħjar f’kompetizzjonijiet fejn s’issa l-pajjiż għadu mhux qed jasal. “In-numru sabiħ ta’ atleti fil-kontinġent juri s-serjetà u l-impenn li tpoġġa mill-coaches, mill-atleti u l-qraba taghhom,” qal Callus.

Filmat: Luke Zerafa, Christoph Schwaiger