L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Kattoliċi għandhom jieħdu l-eżempju tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, u jibnu l-pontijiet ma’ kulħadd, anke ma’ dawk li huma għedewwa, permezz tal-maħfra u l-umiltà.

Dan qalu waqt l-omelija tal-quddiesa li saret ilbieraħ fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina, fit-tielet anniversarju mill-mewt tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca.

L-Arċisqof xebbah lil Mons. Mercieca ma’ Lazzru għax Mons. Mercieca kien jaħfer lil dawk li kienu jixtiqulu l-ħażen u jittrattahom ta’ ħbieb ukoll. Fil-parabbola ta’ Lazzru, Ġesù ma kienx ta isem lill-għani, imma lill-fqir kien tah l-isem tal-akbar ħabib tiegħu, ta’ Lazzru, u permezz t’hekk, donnu ried jgħid li l-fqar li huma mwarrbin f’din l-art huwa jgħoddhom bħala ħbieb speċjali tiegħu.

“Wassal lil ħafna nies il-ġenna”

Permezz ta’ din il-parabbola, qal l-Arċisqof, Ġesù ried jagħti t-tagħlima li dak li l-bnedmin joħolqu fid-dinja jsibuh fl-eternità. U skontu, din kienet il-glorja ta’ Mons. Mercieca, “li wassal il-ġenna ħafna nies li kienu keddewh, u bil-kbir.” Dan għaliex permezz tal-pont li ħoloq bejnu u bejnhom, pont ta’ konnessjoni, mogħdrija, paċenzja, umiltà, imħabba u maħfra, huwa għamlilhom il-pont mid-dinja għall-eternità.