PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li wara l-pressjoni li saret mill-Oppożizzjoni, il-Gvern ma kellux għażla ħlief li jimplimenta t-tibdiliet li ssuġġerixxiet il-Kummissjoni Veneza. Skont Delia, dawn kienu simili għal dawk li l-PN kien ilhu xhur jgħid lill-Gvern biex iwettaq.

Fi stqarrija, il-PN qal li Delia tkellem dwar dan waqt attività politika fiż-Żurrieq.

Skont Delia, il-Kummissjoni Venezja tkellmet dwar il-bżonn li jitneħħa l-irwol doppju tal-avukat ġenerali. Fi kliem Delia, l-Oppożizzjoni ilha tikkritika dan il-kunflitt ta’ interess fejn l-avukat ġenerali huwa l-avukat tal-gvern u fl-istess ħin jiddeċiedi jekk jieħux passi kontra membri tal-istess gvern.

Delia qal li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li dan huwa gvern riformista. Delia qal li l-liġijiet ma jfissru xejn jekk il-Gvern ma jkollux ir-rieda li jwettaq l-ispirtu tagħhom. Delia qal li filwaqt li Bonnici jgħid li l-Gvern biddel is-sistema li biha jintgħażlu l-ġudikanti, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello qal li din is-sistema wasslet biex jintgħażlu n-nies li jrid il-Gvern.

Il-Gvern qed juża l-kundanna tal-Kummissjoni Venezja bħala ċertifikat – Delia

Skont il-Kummissjoni Venezja, fl-10 ta’ Ottubru tal-2018, iċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u għad-Drittijiet Umani tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) talbet opinjoni tal-Kummissjoni Venezja dwar il-kostituzzjoni Maltija u s-separazzjoni tal-poteri.

“PM b’ħafna poter; nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli”