Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran qed iħeġġeġ lil gvern ta’ pajjiżu sabiex jieħu bis-serjetà il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jsir membru uffiċċjali tal-Financial Action Task Force (FATF) li hija organizzazzjoni internazzjonali li tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

L-FATF wissiet lill-Iran li f’nuqqas ta’ parteċipazzjoni sa Ġunju ta’ din is-sena, il-pajjiż ikun qed jirriskja li jitpoġġa fil-lista s-sewda ta’ pajjiżi li ma jikkolaborawx fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. F’każ li l-Iran tonqos milli tagħmel dan il-pass, il-konsegwenzi jistgħu ikunu kbar fuq l-ekonomija tal-pajjiż, partikolarment dawk is-setturi li jiddependu fuq is-servizzi finanzjarji u negozju mal-Unjoni Ewropea u mal-pajjiżi l-oħra li huma membri tal-FATF.

It-twissija tal-Ministru Mohammad Javad Zarif lil gvern tiegħu stess hija risposta għall-Assemblea tal-Esperti tal-Iran, li huwa l-unit tal-pajjiż li jiskrutinja il-liġijiet. L-Assemblea ħarġet stqarrija fl-aħħar ġranet fejn saħħqet li d-dħul tal-Iran fl-FATF ikun ifisser żball strateġiku.

L-ishma ta’ Nike jieħdu daqqa l-isfel

L-ishma ta’ Nike matul l-aħħar ġranet sofrew tnaqqis fil-valur tagħhom hekk kif il-kumpanija li timmanifattura materjal sportiv ħabbret li biegħat inqas milli kien mistenni fl-Amerka ta’ Fuq matul it-tielet kwart fiskali tagħha. Għalkemm id-dħul totali kien fuq il-livell mistenni, u kien hemm tisħiħ fil-bejgħ internazzjonali, l-ishma xorta waħda tilfu madwar 4 fil-mija matul il-ġurnata li tat bidu għar-Rebbiegħa.

Minkejja dan it-tnaqqis, is-CEO ta’ Nike Mark Parker qal li l-kumpanija qed issaħħaħ l-operat tagħha partikolarment fiċ-Ċina fejn qed tara tkabbir fil-bejgħ tal-prodotii sportivi tagħha.

Fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika Nike żiedet il-bejgħ bi 12 fil-mija. Fiċ-Ċina id-dħul tela b’24 fil-mija, u fl-Amerika Latina u fl-Asja tal-Lvant il-bejgħ żdied b’14 fil-mija. Dawn iċ-ċifru jindikaw li Nike qed issaħħaħ u tkabbar iktar il-bejgħ tagħha barra mill-Istati Uniti, fejn ikollha tħabbata wiċċa ma’ kompetizzjoni qawwija mill-kumpaniji l-oħra bħal ma hija l-Adidas.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.