Ċerimonja fil-Kattedral ta' Westminister fejn kandidati jkunu aċċettati għall-Griżma tal-Isqof

Aktar minn 400 persuna ħadu sehem f’dik li hi magħrufa bħala “Ir-Rit tal-Elezzjoni” li saret fil-Kartidral ta’ Westminster fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

F’quddiesa preseduta mill-Cardinal Nichols, megħjun minn erba’ Isqfijiet oħra, 200 katekumenu u 219 il-kandidat ieħor urew ix-xewqa li jsiru membri tal-Knisja Kattolika.

Il-Kardinal Nichols, f’diskors lill-kongregazzjoni miġbura fil-Katidral qal li “Nirringrazzjaw ‘l Alla għall-mod kif il-parroċċi u l-familja djoċesana tagħna se jissaħħu bikom u aħna nwiegħdu li nkomplu nappoġġjaw lilkom u l-familji tagħkom bit-talb u bl-eżempju ta’ ħajja nisranija li tesperjenzaw fil-komunitajiet parrokkjali tagħna.”

Xi djoċesijiet fl-Ingilterra u Wales irrappurtaw li kien hemm żjieda fil-parteċipazzjoni fis-servizzi ekklesjastiċi fuq is-sena ta’ qabel. F’Nottingham kien hemm żjieda ta’ 30 persuna aktar mis-sena l-oħra u f’Birmingħam in-numru żdied ukoll bi tmienja.  Kien hemm djoċesijiet oħra fejn in-numru ta’ nies li resqu lejn il-Knisja naqas xi ftit.

Preparazzjoni għall-Griżma tal-Isqof

L-Isqof Alan Hopes ta’ East Anglia, li kien kjeriku Anglikan, laqa’ personalment 32 kandidat u 30 katekumenu. “Illum  hi ċelebrazzjoni tat-tama u l-fiduċja tagħkom f’Alla li lejh qed idduru għas-salvazzjoni.  Illum intom qed tkunu magħżula u msejħa għas-salvazzjoni.  Il-Knisja tifraħ magħkom hekk kif tgħoddkom ma’ dawk magħżula. Matul ir-Randan, flimkien mal-Knisja, intom imsejjħa biex idduru lejn Alla u ssaħħu l-impenn tagħkom lejh biex tikbru fil-qdusija. Intom imsejħa biex issiru qaddisin t’Alla,” qalilhom l-Isqof

Ir-Rit tal-Elezzjoni hu l-aħħar fażi fil-preparazzjoni biex wieħed jirċievi s-Sagrament tal-Konfermazzjoni (Griżma tal-Isqof).  Hi tradizzjoni li din iċ-ċerimonja ssir fil-bidu tar-Randan u s-Sagrament innifsu jkun amministrat fil-Viġili tal-Għid.