Theresa May se tirritorna lejn ir-Renju Unit sabiex tipprova tikkonvinċi lill-Membri Parlamentari jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-ftehim tagħha wara li l-Unjoni Ewropea aċċettat li Brexit jiġi pospost wara d-29 ta’ Marzu.

Wara tmien sigħat ta’ taħditiet ilbieraħ, l-Istati Membri tal-UE offrew li Brexit iseħħ fit-22 ta’ Mejju jekk il-Membri Parlamentari Ingliżi jiddeċiedu li jappoġġjaw il-ftehim ta’ May sal-ġimgħa d-dieħla. Skont il-BBC, jekk dan ifalli milli jseħħ, mela r-Renju Unit irid joħroġ mill-UE sat-12 ta’ April fejn il-pajjiż irid jiddeċiedi l-passi li jmiss f’inqas żmien inkella jitlaq mill-UE mingħajr ftehim. May qalet li l-Membri Parlamentari issa għandhom għażla ċara.

Hi u titkellem fi Brussell, il-Prim Ministru Ingliża qalet li se tkun qed taħdem bis-sħiħ sabiex iġġib l-appoġġ għall-ftehim. Il-Membri Parlamentari mistennija jivvutaw fuq il-ftehim dwar Brexit għat-tielet darba l-ġimgħa d-dieħla.