Tilwima bejn 6 persuni f’Paceville wasslet lil żewġ irġiel biex isofru minn ġrieħi gravi fl-isptar.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li għall-ħabta tas-6 ta’ filgħodu nqala’ argument bejn xi nies fi Triq San Ġorġ.

L-argument kien bejn 2 Kolombjani u 4 persuni oħra, allegatament Kolombjani wkoll. Wieħed miż-żewġ persuni weġġa’, filwaqt li l-ieħor ħarab minn fuq il-post flimkien mal-erbgħa l-oħra. Hawnhekk intervjena raġel ieħor li pprova jferraq il-ġlied, iżda dan safa’ vittma tal-ġlieda. Allegatament intuża flixkun tal-ħġieġ fil-ġlieda.

Iż-żewġ persuni midruba ttieħdu l-isptar, u ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

L-irġiel huma ta’ nazzjonalità Kolombjana u għandhom 27 u 34 sena.