7%, jew 280 omm Maltija fis-sena tgħaddi minn dipressjoni kronika wara li jkollhom tarbija. Dan qalitu l-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stephania Dimech Sant dakinhar tat-tnedija ta’ dehra ġdida għall-Fondazzjoni Richmond.

Skont stqarrija maħruġa mill-Fondazzjoni stess, mill-persuni kollha li jiżviluppaw mard mentali matul ħajjithom, 75% minnhom juru sintomi qabel ma jgħalqu 25 sena.

Ġie spjegat kif ġeneralment, persuna ddum bejn erba’ u 10 snin ma tfittex l-għajnuna wara li tibda tesperjenza l-ewwel sintomi ta’ mard mentali. Ingħad li parti mill-isfida li twassal għal dan kollu hija n-nuqqas ta’ informazzjoni hekk kif għad hawn bosta persuni li ma jafux minn fejn jistgħu jsibu l-għajnuna. Intant parti oħra mill-isfida hija l-preġudizzju li n-nies isofru fis-soċjetà jekk ħaddieħor ikun jaf li għandhom problema ta’ saħħa mentali.

Intant il-Fondazzjoni spjegat kif il-problemi ta’ saħħa mentali jaffettwaw kif il-persuna tgħix ħajjitha minn jum għal jum, kif tittratta mal-membri tal-familja u kemm jirnexxielha tipproduċi fuq il-post tax-xogħol.

“17% tal-adoloxxenti jweġġgħu lilhom infushom”

Il-Fondazzjoni Richmond spjegat kif madwar 17% tal-doloxxenti fl-età ta’ bejn 10 snin u 17-il sena u 13% taż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena, xi darba weġġgħu lilhom infushom. Qalet ukoll li madwar 50% ta’ dawk kollha li jiżviluppaw diżordni fl-ikel ikollhom l-ewwel sintomi qabel it-18-il sena.

Għandek problemi ta’ saħħa mentali? Fittex l-għajnuna

Jekk għandek problemi ta’ saħħa mentali tista’ tikseb l-għajnuna li għandek bżonn billi ċċempel lil Richmond Foundation fuq in-numru ġdid tagħhom, 1770, fejn se ssib professjonisti lesti li jisimgħuk u jagħtuk l-għajnuna li għandek bżonn.

Newsbook.com.mt qed jaħdem mal-Fondazzjoni Richmond għat-tixrid ta’ din il-kampanja dwar is-saħħa mentali.