Rapport tal-FIAU ippubblikat fis-Sunday Times jgħid li hemm l-informazzjoni meħtieġa biex jinbet is-suspett li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-kont bankarju tiegħu f’ Jersey setgħu intużaw għall-ħasil tal-flus. Dan ir-rapport kien ippublikat ftit siegħat wara li Dr Delia, waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li talab lill-pulizija jinvestigaw dawk li huwa ddeskriva bħala firem foloz tiegħu fuq għadd ta’ dokumenti. Dan il-każ kien ġie rrappurtat ukoll mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Aqra ukoll: “Iffalsifikaw il-firma tiegħi” – Adrian Delia

Madanakollu, sorsi qrib il-pulizija li tkellmu tal-gazetta Sunday Times qalu li minkejja li r-rapport ingħata lill-pulizija s-sena li għaddiet biex issir investigazzjoni kriminali, ir-rapport tħalla fuq l-ixkaffa għal diversi xhur wara li l-każ kien ġie meqjuż bħala diffiċli wisq biex jissolvha u mhux urġenti dqas każijiet oħra.

Meta kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet, Delia qal li dawn id-dokumenti jittrattaw attivita professjonali li tmur lura 15 –il sena.

Jidher li informazzjoni li rċievet l-FIAU fl-2017 kienet tindika li kont bankarju ta’ Barclays  f’ Jersey tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien assoċjat ma’ cirku ta’ prostituzzjoni f’ Soho, kwartier f’Londra u tintuża’ għal attivita’ tal-ħasil tal-flus.

L-FIAU jidher li firxet ir-riċerka tagħha f’diversi pajjiżi fosthom ir-Renju Unit, l-iSvizzera, British Virgin Islands u l-Marshall Islands.

L-kont li Delia ċaħad li jaf bih, infetaħ fi Frar tal-2001 u ingħalaq f’ Ottubru 2004. Kif kien miftuħ, madwar tliet mija u sitt u erbgħin elf lira sterlina ġew depożitati f’diversi forom fosthom permezz ta’ flus kontantiu cekkijiet minn diversi fergħat f’Londra b’mod partikulari mill-fergħa ta’ Edgware Road.