Il-Prim Ministru Theresa May qalet li m’għandhiex biżżejjed sapport biex tirbaħ il-vot dwar il-ftehim li fasslet għall-Brexit. Hija qalet li se tibqa’ tipprova tħeġġeġ lill-Membri Parlamentari biex jappoġġjawha qabel ma tressaq il-vot fil-Parlament għat-tielet darba dil-ġimgħa.

May għandha tordna lill-Membri Parlamentari tal-partit tagħha biex jivvutaw kontra offerta alternattiva għall-pjan tagħha, immexxija minn Sir Oliver Letwin, tal-partit tagħha stess. Hija qalet li hija xettika dwar dan.

Skont il-Prim Ministru, il-voti jistgħu jwasslu għal riżultat li ma jkunx negozjabbli mal-Unjoni Ewropea.

May se tirreżenja?

Skont rapporti fil-midja Ingliża, wara laqgħa fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru f’Chequers, Theresa May aktarx wegħdet lill-membri tal-kabinett tagħha li jekk jivvutaw favur il-ftehim li fasslet għal Brexit, hija titlaq minn Prim Ministru.

Għal din il-laqgħa li waslet aħbar tagħha lill-midja Ingliża mingħajr ebda konferma uffiċjali, jidher li attendew eks membri tal-kabinett ta’ May bħal Boris Johnson, kif ukoll nies li jopponuha apertament bħal Michael Gove.

Theresa May għadha ma ħarġet l-ebda stqarrija jew dikjarazzjoni uffiċjali. Osservaturi internazzjonali qalu li aktarx May tista’ tressaq quddiem il-Parlament Ingliż sensiela ta’ mozzjonijiet hekk imsejħa indikattivi li permezz tagħhom ikollha stampa ċara jekk il-vot dwar il-ftehim ikunx se jiġi approvat.