Il-Gvern qal li illum skatta l-proċess leġiżlattiv biex jiġu implimentati terz tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-kummissjoni Venezja hekk kif il-Ministru għal Ġustizzja ressaq għall-ewwel qari fil-Parlament emendi għall-atti imsejħa:

– “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Avukat Ġenerali)

 – “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Pulizija)”

– “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Kummissjonijiet Kostituzzjonali)”

 -Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Ombudsman)”

– “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Servizz Pubbliku)”

Fi stqarrija, il-ministeru qal li fir-rigward tal-abbozz ta’ liġi illi jirrigwarda l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u li għandu l-għan illi jifred il-funzjonijiet ċivili minn dawk ta’ prosekuzzjoni ta’ dan l-Ufficcju, il-Gvern huwa kommess li dan jgħaddi mill-istadji leġiżlattivi parlamentari kollha sabiex isir liġi sa qabel il-ferjat tas-sajf.

“Il-fatt illi dan il-Gvern qiegħed jaġixxi f’inqas minn mitt jum mindu ġie ppubblikat ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja huwa indikazzjoni ċara tal-impenn u d-determinazzjoni illi dan l-istess Gvern għandu sabiex ikompli jwettaq riformi leġiżlattivi ewlenin”, qal il-Ministru Bonnici.