Tliet kelmiet sempliċi permezz tal-app What3words salvaw il-ħajja ta’ mara li kienet qed tinżamm kontra r-rieda tagħha u abbużata sesswalment fir-Renju Unit.  Fortunatamanet setgħet tuża l-mowbajl tagħha biex tagħmel kuntatt mal-awtoritajiet meta sabet ruħha weħidha, imma ma setgħetx tgħidilhom fejn hi għax ma kienet f’post li qatt ma kienet marret qabel.

Apparti minn hekk, ma kelliex ħafna ħin għax l-aggressur seta’ jirritorna għall-għarrieda. Madanakollu hija wżat l-app What3words, li taħdem ukoll mingħajr internet, biex tindika l-lokazzjoni preċiża ta’ fejn kienet qed tinżamm u l-awtoritajiet marru jsalvawha mingħajr l-ebda suspett tal-aggressur.

Fi stqarrija l-Pulizija fir-Renju Unit qalu li din What3words qed tgħin l-awtoritajiet isalvaw ħafna iktar ħajjiet f’emerġenza u rnexxielhom saħansitra jsibu tfajjel li kien inħataf.

What3words hi app simili għal Google maps, pero il-moħħ wara din l-app qasam il-mappa tad-dinja f’gradilja magħmula minn 57 triljun kaxxa diġitali ta’ 3 metri bi 3 metri biex id-dettalji jkunu iktar preċiżi u f’każ ta’ emerġenza jew paniku wieħed ikun jista’ jikkomunika l-lokazzjoni tiegħu b’mod preċiż għall-aħħar.

Din l-app, li wieħed jista’ jniżżel fuq il-mowbajl mingħaj l-ebda ħlas, intużat f’każijiet ta’ emerġenza internazzjonali, fosthom meta omm u binha kienu involuti f’inċident bil-karozza u ma setgħux jiddeskrivu l-post ta’ fejn kienu. Permezz ta’ what3words l-omm setgħet tibgħat il-lokazzjoni tagħha lill-uffiċċjali tal-emerġenza.

Jidher li din l-app tant qed isservi ta’ għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li s-Servizzi tal-Emerġenza fir-Renju Unit ħabbru li qed jużaw din what3words b’mod uffiċċjali, u f’każ ta’ diffikultà l-uffiċjali tagħhom huma mħarrġa dwar kif għandhom jgħarfu sitwazzjoni fejn jintużaw tliet kelmiet minn din l-app f’każ ta’ telefonata jew rapport.

L-app tħallik ukoll tibgħat il-link bil-kelmiet tal-lokazzjoni tiegħek fuq SMS, kif ukoll fuq apps bħal Whatsapp u Messenger, pero għal dawn it-tnejn tal-aħħar wieħed irid ikollu l-internet.

Għal iktar informazzjoni dwar what3words tista’ tidħol hawnhekk.