Il-benefiċċji miksuba mir-rikreazzjoni tal-familja ilhom dokumentati u studjati. Madankollu, ġenituri f’Malta ħafna drabi ma jkunux jafu x’attivitajiet rikreattivi huma disponibbli għalihom u għat-tfal tagħhom.

Għal dan il-għan, ġiet imnedija s-sit www.familytimemalta.com, bil-ħsieb li tipprovdi lill-familji lista komprensiva ta’ organizzazzjonijiet, attivitajiet u negozji li jaħsbu għall-bżonnijiet rikreattivi tagħhom.

www.familytimemalta.com kienet inawgurata uffiċjalment fi Forti Sant’Iermu, taħt il-patroċinju tal-E.T. Marie Louise Celerio Preca, President ta’ Malta, li enfasizzat li t-tfal għandhom id-dritt li jilagħbu f’ambjent sigur u divertenti, kif ukoll l-importanza li l-ħin ta’ kwalità mal-familja għandu fl-iżvilupp tagħhom bħala ċittadini futuri tajbin.

Anna Gallo, il-fundatriċi ta’ Family Time Malta, qalet: “L-idea wara din l-inizjattiva hi li tipprovdi pjattaforma għall-familji bi tfal mit-twelid sa 12-il sena, inklużi t-tfal bi bżonnijiet u abbiltajiet differenti, biex jippjanaw ħin ta’ kwalità flimkien. Għalkemm, fil-fatt, hemm bosta għażliet disponibbli għall-familji f’Malta, s’issa kien diffiċli ħafna li ssib din l-informazzjoni malajr u b’mod faċli. Hu propju hawn fejn tidħol is-sit www.familytimemalta.com, fejn tipprovdi pjattaforma onlajn mgħammra b’tagħrif dwar attivitajiet li l-familji jistgħu jagħmlu flimkien.”

Minbarra li sservi ta’ direttorju, permezz tal-faċilità interattiva tagħha s-sit www.familytimemalta.com isservi wkoll bħala gwida u riżorsa għall-ġenituri. Fost ħafna għażliet disponibbli, is-sit tinkludi taqsima li telenka x’attivitajiet qed jiġru kompluti bi customisable filters u geo-location li jagħmlu l-esperjenza tal-utent aktar faċli u personalizzata.

“Din il-pjattaforma hi wkoll opportunità għal kulmin imexxi negozju jew organizzazzjoni b’faċilitajiet attrezzati u maħsuba għall-familja biex jippromwovu lilhom infushom u fil-fatt bħalissa r-reġistrazzjoni għas-sit hi b’xejn,” żiedet Gallo.

Il-President Colerio Preca qalet li hi tabilħaqq kburija li tkun patruna ta’ din l-inizjattiva, u żiedet tgħid li inizjattiva bħal din hi meħtieġa, peress li tippromwovi s-sostenibbiltà, kif ukoll tippromwovi d-dritt li t-tfal għandhom biex jilgħabu u jiddevertu.

Family Time Malta għandha wkoll l-appoġġ tal-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal, Heritage Malta, Visit Malta, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Nature Trust Malta, Esplora, Aquarium, l-Istitut Taljan għall-Kultura u Marsa Sport Club.