Il-Parlament Ewropew talab lill-Gvern Malti sabiex fost l-oħrajn itemm il-kampanja ta’ mibegħda kontra l-qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Dan ħareġ minn reżoluzzjoni b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvern Malti u tas-Slovakkja li skont il-Parlament Ewropew ġiet approvata b’398 vot favur, 85 kontra u 69 astensjoni. Skont stqarrija mill-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, ir-rakkomandazzjonijiet jitolbu lill-Gvern Malti sabiex jaħdem fuq seba’ punti prinċipali:

  1. jassigura li ssir inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia,
  2. jara li l-imħuħ wara dan il-qtil ikunu identifikati u ssir ġustizzja,
  3. jimplementa r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja,
  4. jtemm il-kampanja ta’ mibegħda kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia,
  5. jippubblika r-rapport sħiħ tal-Inkjesta Maġisterjali ta’ Aaron Bugeja,
  6. jibda investigazzjoni dwar il-Panama Papers, u r-rabta bejn 17 Black u Keith Schembri u Konrad Mizzi,
  7. jieqaf ibigħ il-passaporti.

Il-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-isforzi kontinwi ta’ għadd dejjem jikber ta’ Gvernijiet tal-Istati Membri biex idgħajfu s-Saltna tad-Dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura.

X’inhi r-reazzjoni tal-Ewroparlamentari Maltin sa issa?

L-Ewroparlamentari Roberta Metsola spjegat li din ir-riżoluzzjoni se tipproteġi l-valuri Maltin u dawk Ewropej. Min-naħa tiegħu, David Casa sostna li hemm bżonn li dejjem tittieħed pożizzjoni kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. Intant, Francis Zammit Dimech qal li għal darboħra l-Parlament Ewropew qed jinsisti mal-Gvern Malti biex jagħmel bidliet neċessarji biex jissalvagwardja s-saltna tad-dritt fil-pajjiż u l-ġurnalisti jiġu protetti.

Min-naħa tagħha, l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi sostniet li l-MEPs qed jimxu bi standards doppji hekk kif Malta qed taffaċċja r-raba resoluzzjoni kontriha, filwaqt li pajjiżi bħall-Polonja u l-Ungerija ma kellhomx jaffaċċjaw daqstant reżoluzzjonijiet. Insistiet li se tirrifjuta li tippermetti li isem Malta jitħammeġ “bi tfigħ ta’ tajn kontinwu mingħajr rispett lejn oġġettività u intergrità tal-fatti.”

Intant min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant sostna li l-vot li ttieħed ma jagħmel l-ebda ġieħ lill-Parlament stess. Sostna li dawk li mexxew din ir-riżoluzzjoni tellfu lill-Parlament Ewropew kull kredibilità meta jersaq biex jingħata xi rwol serju fil-konferma tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea jew barra minnha.