29/03/2019 19:19:54 ISLA

L-Arċisqof Charles Scicluna talab lill-persuni kollha li kienu preżenti għall-pellegrinaġġ u l-Quddiesa bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur fl-Isla sabiex jistaqsu lilhom infushom il-mistoqsija “qiegħed inħobb tassew?”

L-Arċisqof semma kif minkejja l-10 kmandament, il-Mulej jindika x’inhu l-iżjed importanti fil-ħajja tal-bnedmin. Spjega li Alla ħabbna qabel ma ħabbejnieh. Spjega kif minħabba d-dgħufija u d-dnub, il-bniedem kien bħal qisu għadu ta’ Alla iżda Alla ma stmerrx li Ġesù jsir bniedem permezz tal-ġuf ta’ Marija Verġni.

“Ir-Redentur huwa dak li jħallas biex inti tinħeles”

Mons Scicluna qal li r-redentur huwa dak li jsiblek ilsir ta’ xi ħadd u ta’ xi ħaġa u jħallas biex inti tinħeles. Sostna li meta lil Ġesù nagħtuh dan it-titlu sabiħ tar-‘redentur’, infakkru li hu ħallas bid-demm tiegħu biex aħna neħilsu mill-jasar. Spjega li aħna konnha lsiera tad-dnub, tal-vizzji u ta’ dak li jgħakkisna u jkiddna, iżda bid-demma tiegħu Ġesù daħal għalina u ħelisna.

“Ersaq lejn il-qrar, u wara tqarben”

L-Arċisqof tkellem dwar l-importanza tal-qrar. Sostna li bil-qrar, il-Mulej jidħol għalik, jaħslek bid-demm tiegħu u jeħilsek. Qal li meta wieħed jiftaħ il-bieb tal-ħelsien permezz tal-qrar għandu jqis li jitqarbed. Dan għaliex fit-tqarbin il-Mulej jagħtik il-ġisem u d-demm tiegħu, il-ħajja tiegħu, il-grazzja tiegħu, il-ħniena tiegħu u lilu nniffsu.

“Ħafna drabi naħsbu li ma għandna bżonn lil ħadd”

Fl-għeluq tal-omelija tiegħu, l-Arċisqof sostna kif ħafna drabi l-bnedmin jaħsbu li ma għandhom bżonn lil ħadd. Sostna li l-akbar tagħlima u l-ikbar paċi hi li wieħed jistrieħ fi ħdan il-Mulej, bħal tarbija fi ħdan ommha.