Fl-2018 u l-2019 tqiegħdu 3 rampi ġodda f’dipartimenti differenti tal-Ministeru għall-Finanzi sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà. Dan it-tagħrif ingħata mill-Ministru Edward Scicluna fil-Parlament, hu u jwieġeb il-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech.

Fejn tqiegħdu r-rampi?

Ir-rampi l-ġodda tqiegħdu fil-bini ta’ Malta Stock Exchange, fil-Ministeru għall-Finanzi fil-Belt Valletta, u fl-OAFS. Fil-Malta Stock Exchange twaħħlu wkoll gradi ġodda li jinfetħu malli xi ħadd idoqq il-qanpiena, u jmur xi ħadd biex jassisti lit-tali persuna. Fil-Ministeru għall-Finanzi, hemm ukoll lift, u r-rampa hija temporanja, għaliex hemm pjan ta’ aċċessibbiltà aħjar.

Rinovar ta’ binjiet

Fid-Dipartiment għall-Kummissarju għat-Taxxi qiegħed isir immodernizzar tal-uffiċċji u fil-pjanti l-ġodda għandu jkun hemm iżjed aċċessibbiltà, partikolarment fil-blokka ta’ Birkirkara u Blokka 1, u 5 fil-Furjana. Fis-sena li ġejja, għandu jitqiegħed lift minn barra sabiex jgħaqqad Blokka 1 u Blokka 2 fil-Furjana.

Min-naħa tad-Dipartiment tad-Dwana, qed isir xogħol ta’ rinovar f’Customs House fil-Belt Valletta, fosthom billi qed jiġi installat lift u anke toilets għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Barra minn hekk, il-bini tal-Business First fl-Imrieħel qiegħed joffri servizzi tad-Dipartiment tad-Dwana, u dan il-bini għandu l-bżonnijiet kollha meħtieġa minn nies b’diżabbiltà.

Id-Dipartiment tal-Lotterija Fiskali jċaqlaq l-operat tiegħu

Id-Dipartiment tal-Lotterija Fiskali fl-akkwati tal-Marsa u Ħal Qormi se jibda juża post alternattiv aċċessibbli fil-Marsa li għandu jibda jintuża din is-sena. Id-Diviżjoni tal-Baġit ukoll qed tara kif tista’ tagħmel il-bini tagħha iżjed aċċessibbli, u l-pjanijiet tagħha qegħdin jiġu spezzjonati mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Problema ta’ aċċessibbiltà għall-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Fil-każ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), kien hemm problema peress li l-aċċess fil-parkeġġ ta’ Lascaris Ditch ngħalaq, u wieħed seta’ jaċċessa l-bini tal-NSO minn ġod-Dipartiment tal-Kummerċ biss, permezz ta’ 2 lifts. Fi Frar li għadda, il-parkeġġ ġod-Ditch reġa’ nfetaħ u għalhekk, m’għadx hemm problema ta’ aċċessibbiltà, skont it-tagħrif tal-Ministru.

Użu tal-internet

Il-Ministru Scicluna qal li ħafna mid-dipartimenti ċaqalqu l-operat tagħhom għall-internet sabiex kulħadd ikun jista’ jaċċessah mill-kumdità ta’ daru, u l-persuni b’diżabbiltà ma jkollhomx problema sabiex jaċċessaw il-post.

Id-Dipartiment tal-Kuntratti, dak tat-Teżor, u PCRB diġà kienu aċċessibbli.