Ir-rapport dwar Malta tal-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO qal li Malta għandha istituzzjonijiet li jidhru impressjonanti fuq il-karta, però jgħid ukoll li hemm mistoqsijiet dwar l-effettività tagħhom.

Ir-rapport li fih madwar 55 paġna evalwa l-effettività tal-qafas Malti fil-prevenżjoni tal-korruzzjoni ta’ persuni bl-ogħla funzjonijiet eżekuttivi (ministri u uffiċjali tal-Gvern għoljin) u membri tal-korp tal-Pulizija.

Ir-rapport jgħid li fl-aħħar snin Malta iffaċċjat numru ta’ kontroversji dwar l-integrità ta’ uffiċjali sal-ogħla livell. Skont ir-rapport, il-pajjiż qatt ma kien esperjenza numru daqstant qawwi ta’ kontroversji fil-passat. Isemmi allegazzjonijiet ta’ użu ħażin ta’ riżorsi statali u ta’ nepotiżmu u kunflitti ta’ interess.

Skont il-GRECO, skont stħarriġ dwar l-opinjoni, hemm livell għoli ta’ perċezzjoni tal-korruzzjoni. Iżid jgħid li s’issa ma kienx jidher li ttieħdu xi miżuri dixxiplinarji jew kriminali fid-dawl ta’ allegazzjonijiet li kien hemm, inkluż dawk li ġew ikkonfermati.

Skont il-GRECO, l-aktar mekkaniżmu sofistikati u korpi speċjalisti huma ta’ ftit użu jekk huma nfushom mhumiex qed jiġu regolati jew mhumiex effettivi.

Fuq Twitter, is-Segretarju Eżekuttiv tal-GRECO Gianluca Esposito qal li hemm bżonn li jsir aktar fejn tidħol il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-gvern ċentrali u fil-Pulizija.

Twitter

Fi kliem il-GRECO, f’Malta hemm nuqqas ta’ strateġija sħiħa fir-rigward tal-integrità ta’ standards għal uffiċjali tal-Gvern u sistema ta’ sanzjonijiet. Sejħet għal regoli aktar stretti u għa aktar infurzar kontra l-ogħla uffiċjali.

Skont ir-rapport tal-GRECO, numru ta’ istituzzjonijiet Ewropej esprimew it-taħħisb tagħhom dwar ir-rispett lejn il-liġijiet f’Malta speċjalment wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia, wieħed mit-tfal tal-ġurnalista staqsa dwar min waqqa’ lil Malta għar-rkopptejha – jekk humiex in-nies korrotti fil-poter li farrku l-istituzzjonijiet jew dawk li qed jiġġieldu b’ħajjithom biex is-sitwazzjoni titranġa.

Malta ssieħbet mal-GRECO fl-2001 u ġiet evalwata fl-2002, fl-2005, fl-2009, u fl-2015. Il-ħames evalwazzjoni skattat fl-1 ta’ Jannar 2017. It-team ta’ evalwazzjoni tal-GRECO wettaq spezzjoni f’Malta bejn it-2 u s-6 ta’ Ottubru 2018.

Fost l-oħrajn, it-team kellu intervisti mal-Uffiċċju tal-President u tal-Prim Ministru, mal-Ministeru għall-Ġustizzja, mal-Kummissarju tal-Pulizija, ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u mal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Il-President tal-GRECO Marin Mrčela qal li r-rapport hija sejħa għall-azzjoni. Qal li qed jistenna bil-ħerqa għall-implimentazzjoni mill-aktar fis tar-rakkommandazzjonijiet tal-GRECO mill-Awtoritajiet Maltin.

Għal rapport dettaljat dwar ir-rapport tal-GRECO tista’ tidħol hawn.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.