Id-deputati Ingliżi fil-House of Commons approvaw liġi li permezz tagħha qed jimponu fuq il-Prim Ministru Theresa May biex ittawwal il-proċess ta’ Brexit jekk ma tilħaqx qbil mal-Kap tal-Oppożizzjoni u mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn.

Il-vot għadda b’maġġoranza ta’ vot wieħed bi 313 jivvutaw favur u 312 jivvutaw kontra.

Dan il-vot ittieħed ilbieraħ filgħaxija f’seduta li fiha d-deputati vvutaw fuq serje ta’ voti dwar Brexit. Ir-Renju Unit sa issa huwa maħsub li joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr qbil fit-12 ta’ April li ġej iżda f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew li hija maħsuba li ssir fl-10 ta’ April, il-mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu japprovaw estensjoni jekk ir-Renju Unit jasal għal qbil dwar ir-relazzjoni futura mal-Unjoni Ewropea.

AQRA: May se tiltaqa’ ma’ Corbyn forsi jaqblu dwar Brexit

Ilbieraħ, May ħabbret li se tkun qed titlaqa’ ma’ Jeremy Corbyn sabiex flimkien jaraw isibux arranġament komuni biex jieqaf l-imblokk dwar Brexit.

Fost il-prijoritajiet ta’ Corbyn hemm id-drittijiet għall-ħaddiema. Intant l-editur politiku tal-BBC, Laura Kuenssberg qalet li ma tantx kien hemm differenza bejn il-verżjoni ta’ Brexit tal-Gvern u dik tal-Partit Laburista, madanakollu sostniet li ma hemmx ħafna tama li se jintlaħaq kunsens politiku miż-żewġ partiti.