Diskussjonijiet bejn il-Partit Konservattiv u dak Laburist waslu fi tmiemhom għat-tieni jum fir-Renju Unit, wara erba’ sigħat u nofs sħaħ, li l-Gvern iddeskriva bħala “dettaljati u produttivi.” Dawn id-diskussjonijiet kellhom l-għan li jsibu soluzzjoni għall-Brexit.

Il-Kelliem għall-Brexit Sir Keir Starmer qal li kellha tiġi diskussa l-idea ta’ referendum dwar ftehim deċiż għall-Brexit. Nhar l-Erbgħa, il-Membri Parlamentari qablu ma’ mozzjoni li ġġiegħel lill-Prim Ministru Theresa May iddewwem il-Brexit.

Kummenti li ngħataw mill-Membri Parlamentari lill-BBC urew li dawn ċertament ma kinux l-aħħar diskussjonijiet dwar is-suġġett, iżda l-Parlament għandu jerġa’ jiltaqa’ fil-jiem li ġejjin biex ikompli jiddiskuti.

Ilbieraħ iltaqgħu għal diskussjoni l-Prim Ministru Theresa May u l-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn. Ir-Renju Unit suppost għandu joħroġ mill-Unjoni Ewropea fit-12 t’April skont kif inhuma l-affarijiet bħalissa.