OPR

Il-President ġdid George Vella fl-ewwel diskors tiegħu bħala president saħaq li jispera li jibqa’ jara r-rispett li sa issa dejjem kien hemm, lejn l-etika u l-morali fil-professjoni medika u fuq kollox ir-rispett għall-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar nifs tal-individwu.

Iktar kmieni waranofsinhar Vella ħa l-ġurament tal-ħatra u b’hekk sar l-għaxar President tar-Repubblika.

AQRA: It-tabib George Vella l-President ġdid ta’ Malta

AQRA: Pajjiż jissaħħaħ jekk iħaddan l-integrità, il-ġustizzja u s-solidarjetà – L-Arċisqof Scicluna

Fid-diskors tiegħu Vella qal li bħala persuna li ġej mill-aspett mediku huwa se jinteressa ruħu bis-sħiħ fl-iżvilupp tal-qasam tas-saħħa f’Malta. Kompla jgħid li huwa jispera li jibqa’ jara r-rispett lejn il-ħajja u saħaq li dan il-ħarsien u r-rispett lejn valuri etiċi, morali u soċjali jgħollu d-dinjità tal-individwu fis-soċjetà Maltija.

‘Għadna nġorru fuq il-kuxjenza nazzjonali tagħna it-tbajja suwed’

Il-President il-ġdid sostna t-tbajja suwed ta’ atti atroċi u rrefera għall-qtil ta’ Karen Grech, Raymond Caruana u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li dan ma jixraqx.

“It-theddida tal-ambjent ‘mibni’, fuq dak ‘naturali’, qiegħda dejjem tikber”

Fid-diskors tiegħu l-President Vella sostna li theddida fuq l-ambjent ‘mibni’ u dak ‘naturali’ qegħda dejjem tikber. Kompla jgħid li se jkun qed jirrakkomanda lill-awtoritajiet konċernati il-ħarsien strett tar-regolamenti. Se jkun qed jirrakkomanda wkoll li d-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu bl-ikbar skruplu u responsabbilità, fil-ħarsien tas-sostenibbiltà. Spjega li dan huwa obbligu lejn il-ġenerazzjonijiet futuri.

Vella spjega li l-ħarsien tal-ambjent mhux qed jirreferi biss għall-ambjent mibni iżda wkoll għall-kwalità tal-arja, tniġġis tal-baħar kif ukoll l-għoli tat-temperatura tad-dinja.

Tqassim ekwu tal-ġid

Il-President George Vella tkellem dwar it-qassim ekwu tal-ġid iġġenerat f’Malta. Sostna li dan għandu jkun bl-iktar mod ġust u l-piż tat-tmexxija u l-ħarsien soċjali għandu jintrefa’ minn kulħadd, skont ma kull wieħed jiflaħ.

Huwa sostna li min għandu bżonn l-għajnuna għandu jirċieviha bid-dritt u mhux bħala att ta’ karità.

Kompla jgħid li filwaqt l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb dan ma għandux jagħti l-idea li ma hawnx faqar materjali fost iċ-ċittadini Maltin.

Il-President il-ġdid saħaq li jemmen li l-ewwel u qabel kollox jiġi l-interess tal-individwu, il-ħarsien tad-drittijiet soċjali u l-kwalità tal-ħajja. Vella spjega li dan ma għandux ikun biss għaċ-ċittadin Malti, iżda wkoll għall-ħaddiema barranin u kif ukoll għall-immigranti.

‘Se nimpenja ruħi fl-edukazzjoni’

Filwaqt li stqarr li l-edukazzjoni huwa qasam għal qalbu, wiegħed li se jkun qed jimpenja ruħu f’dal-qasam. Spjega li mingħajr edukazzjoni m’hemmx l-għodda meħtieġa biex jitfassal futur aħjar għal Malta.

Sostna wkoll li se jkun qed jagħmel dan mhux għall-edukazzjoni utilitarja iżda waħda li tinkludi l-apprezzament tal-arti, il-kultura u fuq kollox l-għarfien tad-dinja.

Aqra d-diskors sħiħ hawn.