Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li r-reputazzjoni tal-pajjiż tissaħħaħ u tikber kemm-il darba jitħaddnu il-valuri tal-integrità, tal-ġustizzja u tas-solidarjetà. Huwa qal dan waqt l-omelija fil-quddiesa solenni li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni ta’ President ġdid. Quddiem l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, l-Arċisqof Scicluna wissa li “jekk l-ewwel u l-unika ħaġa li nfittxu tkun il-qligħ jew il-profitti, minn demokrazija nsiru kerdokrazija (soċjetà mmexxija mill-ġirja għall-profitt) u malajr niżżerżqu lejn il-kleptokrazija (soċjetà fejn il-poter huwa ta’ min jaħtaf l-iżjed)”. L-Arċisqof qal li l-prosperità ekonomika tista’ titqiegħed fuq sisien sodi meta min imexxiha jfittex l-ewwel li jħaddan l-atteġġjamenti marbuta mal-għerf u s-sewwa.

L-Arċisqof irrefera għal dak li qal il-Papa Franġisku fil-messaġġ ta’ Jum il-Paċi fejn qal li: “It-tiftixa għall-poter, ikun xi jkun il-prezz, twassal għal abbużi u inġustizzji. Il-politika hi mezz fundamentali biex jissawru s-sens ta’ ċittadinanza u l-ħidmiet tal-bniedem, imma meta, min-naħa ta’ dawk li jħaddmuha, ma tibqax bħala servizz b’risq il-bnedmin kollha, tista’ ssir għodda ta’ oppressjoni, ta’ emarġinazzjoni u saħansitra ta’ qerda”.

Il-politika bħala karità

Mons. Scicluna ssokta jgħid li l-Papa Franġisku jispjega li min jieħu bis-serjetà l-politika fid-diversi livelli tagħha, jagħraf li kull bniedem huwa liberu li jagħżel biex jitwettaq il-ġid komuni. Din, issokta l-Papa Franġisku, hija l-isfida permanenti li jiffaċċjaw dawk kollha li jidħlu fil-ħajja politika, l-isfida li jipproteġu lil dawk li jgħixu fil-pajjiż u li joħolqu ġejjieni li jixraq lill-bnedmin u li huwa ġust. “Jekk titwettaq fir‐rispett fundamentali tal‐ħajja, tal‐libertà u tad‐dinjità tal‐persuni, il‐politika tista’ ssir tassew għamla eminenti ta’ karità,” qal il-Papa Franġisku fil-kwotazzjoni moqrija mill-Arċisqof Scicluna.

Rabta ta’ fiduċja bejn il-ġenerazzjonijet

L-Arċisqof irrefera għal dawk li huma msejħa ‘Il-beatitudnijiet tal-Politiku’ li kienu ġew proposti mill-Kardinal Nguyen Van Thuan. Fost dawn jissemmew il-preġji tal-kredibbiltà, il-ħidma b’risq il-ġid komuni u mhux fl-interess personali, l-impenn lejn l-għaqda kif ukoll li politiku m’għandux jibża’. Huwa qal li l-politika tajba qiegħda għas-servizz tal-paċi. Hi tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet umani fundamentali, li huma wkoll dmirijiet reċiproċi, biex bejn il-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk tal-futur tintiseġ rabta ta’ fiduċja u ta’ rikonoxxenza.

Il-politika bħala servizz

L-Arċisqof qal li r-rwol fundamentali tal-President tar-Repubblika huwa li bil-kliem, bil-ġesti u bl-eżempju jfakkarna li l-politika hija fuq kollox servizz, qadi, mingħajr ma wieħed iħares lejn l-uċuħ, iżda b’sens kbir tad-dover, sens qawwi tal‐Istat u b’qalb kbira mimlija mogħdrija. Żied li l-figura tal-President tar-Repubblika hija sinjal tal-għaqda ta’ bejnietna u tas-sejħa tagħna li nkunu demokrazija bbażata fuq l-għażla kontinwa tas-sewwa u l-għatx u l-ġuħ għall-ġustizzja.

This slideshow requires JavaScript.