Waħda mill-atturi ta’ The Simpsons, dik li tagħmel il-vuċi ta’ Lisa Simpson, uriet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li Fox ingħaqad ma’ Disney. Qalet li din il-mossa jaf tfisser it-tmiem għal din is-serje televiżiva li ilha 30 sena tixxandar. Dan minħabba li The Simpsons mhuwiex kompletament addattat għall-familja, kif inhuma s-serje l-oħra li jixxandru mill-kumpanija Disney.

The Simpsons diġà ġġedded għal sentejn oħra, jiġifieri għandhom joħorġu episodji ġodda sal-2021, iżda lanqas l-atturi stess għadhom ma jafu x’se jiġri wara. Disney allegatament iddeċieda li jikkanċella kull serje li mhuwiex addattat għall-familja, u numru ta’ xows ta’ Fox qegħdin jinkwetaw li jaf imiss lilhom li jitwaqqfu.

Yeardley Smith, li tinterpreta l-parti ta’ Lisa Simpson, qalet lil Hollywood Reporter li hi taħseb li Disney jikkanċella s-serje, minflok ma jbiddlu biex jagħmlu iżjed addattat għall-familja kollha, inkluż it-tfal.

Diġà tneħħa episodju jismu Stark Raving Dad, li fih kien hemm Michael Jackson, minħabba l-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali li hemm dwar il-kantant.