Qed jiġi organizzat Ċineforum minn Caritas Malta, il-Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri bil-għan li jwasslu iktar għarfien dwar l-abbuż tad-droga u xi jbiegħed mid-droga.

Il-film li se jintwera huwa “Beautiful Boy” maħdum fuq storja vera ta’  adolexxent dipendenti fuq sustanzi u kif tiġi affettwata l-familja tiegħu.

Dan iċ-Ċineforum se jsir nhar il-Ħamis 11 ta’ April fis-6 ta’ filgħaxija fis-sala tal-konferenzi taċ-ĊAK fi Triq Sommier f’Birkirkara.

Wara l-film issegwi  diskussjoni ma’ esperti fil-qasam fejn dawk preżenti jistgħu jitkellmu jew iressqu l-mistoqsijiet tagħhom.

Il-Caritas Malta qalet li dan il-film għandu jarah kull ġenitur għax jirrifletti dak li uliedu jistgħu jiltaqgħu miegħu. Qalet li dan juri l-importanza tal-familja bħala l-post fejn persuna għandha tirrikori meta tkun għaddejja minn xi problema.

Tista’ tibbukkja l-preżenza tiegħek għal dan l-avveniment mis-sit caritasmalta.org/events/cineforum jew inkella ċċempel fuq 25906600.