L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista se juru impenn sabiex ikunu l-vuċi tal-pensjonanti fil-Parlament Ewropew, skont is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli. Dan qalu waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed ifassal politika li tagħti lill-anzjani u l-pensjonanti l-importanza li tixirqilhom.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Pensjonijiet Claudio Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħares lejn il-politika dwar il-pensjonijiet fuq żewġ binarji. L-ewwel li min hu pensjonant illum jixraqlu pensjoni adekwata għall-ħajja tal-lum u t-tieni li s-sostenibbiltà tiġi assigurata b’responsabbiltà fiskali fejn il-finanzjament ikun fuq sisien sodi. Huwa qal li pensjoni adekwata mhijiex karità iżda dritt.

Matul din il-laqgħa, l-Assoċjazzjoni ressqet il-manifest tagħha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex jiġi adottat qafas ta’ direttiva dwar dħul minimu li jippermetti li persuna tgħix b’dinjità bil-pensjoni. L-istatistika qed turi li kwart il-popolazzjoni f’Malta hi ‘l fuq minn 60 sena u huwa stmat li fiż-żmien li ġej din se toqrob lejn it-30%. Il-PN din sejħilha “sfida demografika ta’ impatt kbir fuq Malta.”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Louis Cilia qal li l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin għall-pensjoni hija biss soluzzjoni temporanja, għax skontu, jekk niġu f’sitwazzjoni li t-tkabbir ekonomiku ma jibqax sostenibbli, il-qagħda tal-pensjonijiet tkun agħar milli qiegħda llum meta l-barranin jibdew jitilqu minn Malta.