Tnax-il organizzazzjoni li jirrappreżentaw firxa wiesgħa tas-soċjetà ppreżentaw protest ġudizzjarju kontra l-Ministru tat-Trasport u l-Awtorità tal-Ippjanar biex jiżvelaw l-istudji kollha li għandhom x’jaqsmu mal-mina bejn Malta u Għawdex. Huma talbu wkoll li jsir Strategic Environmental Assessment (SEA) kif mitlub mil-liġijiet nazzjonali u tal-UE.  
 
L-organizzazzjonijiet qalu li hemm bżonn li l-awtoritajiet “jieqfu jilagħbu noli” u joħorġu informazzjoni essenzjali fil-pubbliku. Huma argumentaw li peress li l-mina proposta se jkollha konsegwenzi enormi u fit-tul fuq is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent ta’ kull min joqgħod Malta jew Għawdex, iċ-ċittadini ma jistgħux jitħallew fl-għama.
Huma sejħu lill-awtoritajiet biex jippubblikaw l-istudji kollha biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiffurmaw opinjoni bbażata fuq il-fatti.
 
It-tnax-il organizzazzjoni li qed jippreżentaw il-protest ġudizzjarju huma:
Din l-Art Ħelwa, Ramblers’ Association of Malta, Nature Trust (Malta), BirdLife Malta, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Kamra tal-Periti, Isles of the Left, Bicycle Advocacy Group u Żminijietna – Leħen ix-Xellug