Il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Josianne Cutajar qalet li hu importanti li l-barranin li joqogħdu f’Malta jitgħallmu l-Malti, speċjalment meta dawn ikollhom xogħol li joffri servizz fil-komunità.

Cutajar qalet li dan jista’ jsir billi n-negozjanti u min iħaddem jiġu inċentivati biex jirreferu lill-ħaddiema barranin għall-korsijiet tal-Malti. Dan, fi kliem Cutajar, ikun ta’ ġid kbir kemm għal persuni ta’ nazzjonalità barranija, kemm għall-klijenti Maltin u Għawdxin u kif ukoll għall-intrapriża li tibda toffri servizz ta’ kwalità ogħla.

Cutajar, li se tikkontesta l-elezzjoni ta’ Mejju f’isem il-Partit Laburista, irreferiet għall-programm Nappartjeni li hu offrut lil persuni barranin li jgħixu f’Malta. L-għan tal-programm huwa li jsaħħaħ l-għarfien kulturali u soċjali ta’ persuni barranin f’Malta minbarra li jagħtihom taħriġ fl-użu tal-ilsien Malti.

Hija qalet li kien żvilupp pożittiv ħafna li l-lingwa tas-sinjali bil-Malti ġiet rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali iżda l-użu tagħha għadu pjuttost limitat. Irrakkuntat kif matul l-aħħar ġimgħa, minħabba n-nuqqas fir-riżors uman fil-qasam tal-lingwa tas-sinjali, Melissa Aquilina, tfajla ta’ 15-il sena nieqsa mis-smigħ li tixtieq li tieħu sehem aktar attiv fil-politika, ma setgħetx tipparteċipa f’laqgħa ta’ diskussjoni flimkien mal-kandidata.