Illum kompla jinstema’ l-każ tal-qtil doppju f’Ħal Għaxaq, li ħalla lil Marija Lourdes Bonnici u bintha Angele Bonnici mejta. Il-Pulizija qed tressaq lil Joseph Bonnici, iben u ħu l-vittmi, il-qorti, wara li huwa ammetta mal-pulizija li kien hu li qatilhom kiesaħ u biered f’darhom stess.

Aġġornata – Qtil doppju: Qraba tal-vittmi jwasslu l-Pulizija għas-sejbien tal-katavri

Fl-ewwel seduta, huwa xehed mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Qtil Doppju: Ir-raġel iwieġeb mhux ħati għall-akkużi

Mill-Prosekuzzjoni xehed l-Ispettur Keith Arnaud li rrakkonta x’qalilhom li ġara Bonnici, li tahom 3 stqarrijiet. Mid-dehra, Bonnici kien diġà għamel rapport għand il-pulizija li ommu u oħtu kienu neqsin, qabel ma missier il-familja rrapporta dan mill-ħabs, peress li ma marrux iżuruh meta jmorru s-soltu. Huwa qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena ħabs talli fis-sena 2000 qatel lill-ġirien tal-familja fi qtil doppju. Xehed ukoll l-Ispettur John Spiteri.
Għaliex qatilhom?

Meta l-pulizija staqsew lil Bonnici għaliex qatilhom, huwa qalilhom li kien ilu jżomm ir-rabja ġo fih. L-Ispettur Arnaud qal li Bonnici allega li oħtu kienet qed tipprova tirrappurtah għax abbużaha biex titfgħu l-ħabs. Min-naħa l-oħra, ommu kienet qed tinstiga l-affarijiet.

L-Ispettur qal li l-pulizija ma kellhom l-ebda rapport ta’ abbuż, u l-vittmi qatt ma kkuntattjaw lil xi social worker. Arnaud kompla jgħid li meta l-pulizija għafsu lill-akkużat għal iżjed informazzjoni, qalilhom li kien sema’ lin-nisa jikkonfoffaw kontrih.

L-Ispettur John Spiteri qal li ħabiba ta’ Angele qaltlu b’mod kunfidenzjali li l-akkużat kien jabbuża lil oħtu. L-akkużat ċaħad dan u qal li kienet tirrikattah b’hekk biex jixtrilha BMW.

L-Ispettur Spiteri qal li Bonnici spjegalu li fl-2009, it-tfajla tiegħu kienet għamlet suwiċidju fl-istess residenza. Fin-nota li ħalliet warajha, kitbet li ommu issa setgħet tistrieħ, għax qatt ma għoġobha l-fatt li kienu qegħdin flimkien.

Il-metodu

Arnaud jgħid li Bonnici qal lill-pulizija li kien ilu jippjana l-qtil t’ommu u t’oħtu. Meta ammetta, huwa rrakkontalhom kif qatilhom f’darhom, u mbagħad ġarr il-katavri tagħhom sa għalqa tal-familja lejn il-Gudja. Huwa ħaffer żewġ toqbiet fil-ġnien.
Kienet ġurnata xitwija bix-xita, kif xtaqha tkun hu. Hu u jipprepara l-grillu tal-arma tan-nar, oħtu Angele Bonnici marret tara x’ġara. Mill-filmati tas-sigurtà li ttieħdu mid-dar, l-omm u l-bint dehru lebsin il-piġama, qishom ma kinux se joħorġu. Il-filmati waqfu f’daq qa fid-9pm, meta Bonnici tajjar is-salvavita biex iħalli d-dar fi dlam ċappa. Bonnici ħadha fil-ġnien, fejn kien ħejja kollox għall-qtil. Hu mexa warajha, u sparalha f’rasha, u wara taha daqqa ta’ mazza. Lil ommu qatilha bl-istess mod ftit wara. Hu daħħal boroż tal-plastik fi rjus in-nisa, u mbagħad qiegħed il-katavri f’karru u ħadhom għad-difna. Wara li difinhom fl-għalqa, mar jorqod.

L-għada tad-delitt, fis-27 ta’ Marzu, ir-raġel mar jixtri power washer biex jaħsel il-ġnien, ħaraq l-ixkejjer li kien uża biex jgħatti l-art u l-karru li uża biex iġorr il-katavri. Rema wkoll l-arma tan-nar u l-mazza. L-Ispettur Arnaud spjega li Bonnici difen lil ommu l-ewwel, u ġisem oħtu poġġieh fuq t’ommu, u mbagħad ksiehom bil-ġir biex itaffi r-riħa.

L-arma tan-nar u l-mazza

Il-Qorti semgħet kif Bonnici eventwalment ħa lill-pulizija fejn instabet l-arma, ftit metri ‘l bogħod minn fejn kien difinhom. L-Ispettur spjega kif taħdem l-arma li għamel Bonnici stess. Bonnici wriehom ukoll fejn rema l-mazza, f’faċilità tal-Wasteserv. Dan kien jiżen 6.2 kilogrammi.
L-akkużat għandu numru ta’ armi tal-kaċċa rreġistrati f’ismu, imma lill-pulizija qalilhom li m’użax dawn għad-delitt għax jagħmlu wisq storbju.
Lil Angele Bonnici, ħuha sparalha darbtejn f’rasha, f’għajnha u f’ngħasha, fuq il-lemin. Il-Qorti semgħet kif wiċċha saritlu ħsara kbira bid-daqqa tal-mazza. Lil ommu, l-akkużat sparalha mil-lemin ukoll. Saqajn in-nisa kienu marbutin ukoll.

X’qal il-missier?

L-Ispettur John Spiteri qal li huwa kien irċieva telefonata mingħand l-għassa taż-Żejtun dwar rapport ta’ persuni neqsin. Imbagħad, fit-28 ta’ Marzu, l-awtoritajiet tal-ħabs ċemplulu biex jgħidulu li Paul Bonnici ried ikellmu. Bonnici, il-missier tal-familja, qallu li kien inkwetat għax lil martu kien ikellimha kuljum fl-istess ħin, u hi qatt ma kienet titlef appuntament tagħhom mingħajr ma tavżah. Bonnici qal li bigħ id-dar lil ibnu qabel ma daħal il-ħabs, u dan jaf ikkawża xi gwaj bejn ibnu u bintu.

Huwa informa lill-Qorti b’każ ċivili pendenti, li fih Paul u Marija Lourdes Bonnici jridu jħallsu €80,000 b’kumpens tad-dannu lill-eredi tal-vittmi tal-qtil li wettaq Bonnici. L-akkużat allega għall-ewwel, li ommu u oħtu jaf ħarbu minn Malta biex ma jħallsux €80,000. Madankollu, l-Ispettur Spiteri qal li ċ-ċekkijiet u l-apparat elettroniku li sabu fil-kamra tas-sodda tal-bint u l-mowbajl u l-portmoni tal-omm wasslu lill-pulizija biex ma jemmnux din it-teorija tal-akkużat. Il-pulizija sabu wkoll li l-vittmi ma kellhomx passaporti f’isimhom, allura ma setgħux isiefru. Kien hawn li l-pulizija ħarġu avviż dwar il-persuni nieqsa.

Il-Pulizija kellmet ukoll lill-ġirien tal-vittmi, u anke lil ħut Paul Bonnici dwar il-każ.

Wara d-delitt

Min-naħa tal-akkużat, jidher li kien hemm numru ta’ tentattivi biex jgħatti għemilu, pereżempju billi mar jistaqsi għaliha x-xogħol u telaq mill-ewwel meta qalulu li ma marritx, u billi pprova jċemplilha l-għada tal-qtil.

L-Ispettur John Spiteri qal li wara li ġie arrestat, l-akkużat qallu, “Ħawwadt.”

Wara li wettaq id-delitt, huwa mar jorqod id-dar, għax l-għarusa tiegħu kellha tmur torqod hemm. Raqdu fi kmamar separati, u wara li raqdet hi, hu ħareġ u għabba l-katavri fuq karru li għamel hu stess u difinhom.

Tixhed l-għarusa tal-akkużat
L-għarusa tal-akkużat, li ilha miegħu għal 9 snin, telgħet tixhed fil-qorti wkoll.
Hija qalet li marret l-għassa tal-pulizija darbtejn il-Ġimgħa filgħaxija, darba minnhom għax ċemplilha hu stess. Hu beda jgħidilha, “Jiddispjaċini, jiddispjaċini,” mingħajr ma spjega għaliex. Hija qalet li f’moħħha bdiet taħseb dwar fejn setgħu jkunu.
Hija spjegat li Bonnici jaħdem bħala deliveryman tal-fjuri. B’hekk, kellu l-vann u ċerta għodda. Huma joqogħdu f’dar separata tmiss ma’ dik tal-familja Bonnici. Kienu anke jaqsmu l-kont tad-dawl, peress li jużaw l-istess salvavita. Spjegat li hemm bieb bejn iż-żewġt idjar li jista’ jinfetaħ biss min-naħa tal-omm.
Meta mistoqsija jekk Angele kinitx qaltilha xi ħaġa personali dwarha u dwar ħuha, hija qalet li kienet qaltilha li ħuha kien missha meta kienu żgħar, u li ommha kienet taf b’dan. L-għarusa tal-akkużat kienet taf bis-suwiċidju tal-eks tfajla tal-akkużat, u kienet taf ukoll li din ma kellhiex relazzjoni tajba ma’ omm l-akkużat.
Hija qalet li dakinhar kienet ħarġet, u meta rritornat, sabet id-dar imdallma, u għalhekk daħlet torqod.
Ix-xhieda tal-mara ħadet xejra emozzjonali meta din bdiet tibki u qalet li qatt ma rat vjolenza mingħandu, anzi, kien hu li salvaha minn relazzjoni abbużiva. Qalet li hu l-aqwa persuna li taf, u li ma rat xejn ħlief imħabba u rispett mingħandu.
Il-każ għandu jkompli jinstema’ fil-15 t’April.
Aqra iktar hawn: