“L-anġli ma jużawx imrietel u msiemer” – dan qalu Fr Charles Vella, Kap Restawratur fil-Konsorzju għall-Konservazzjoni tal-Arti (ACC), li lilu ġie fdat ir-restawr ta’ dan il-kurċifiss tas-17-il seklu. Fr Vella kien qed jitkellem matul simpożju pubbliku li sar fil-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta biex tingħata informazzjoni dwar il-proċess tar-restawr.

Din l-istqarrija ssegwi s-CT Scans u l-X-Rays tal-kurċifiss li b’mod ċar juru li, għalkemm ir-ras hija separata mill-ġisem, hemm numru ta’ msiemer li jidhru li qed jorbtu r-ras mal-ġisem. Il-leġġenda tgħid li l-iskultur, Frate Innocenzo di Petralia sab ir-ras tal-istatwa kompluta – leġġenda li hija komuni fost numru sabiħ ta’ kurċifissi madwar id-dinja.

Minbarra l-istudju fiżiku estensiv tal-kurċifiss, l-ACC skopra ħafna informazzjoni dwar Frate Innocenzo, li minkejja dokumentazzjoni fqira ħafna li nżammet matul l-istorja tiegħu, ħalla sekwenza ta’ skulturi madwar Sqallija u l-Italja li permezz tagħhom setgħu jiġu intraċċati l-oriġini tiegħu u l-ħajja tiegħu.

Il-proġett, ikkummissjonat mill-Arċkonfraternità tal-Kurċifiss Mirakoluż u taħt il-kuratriċi Cynthia De Giorgio kien jinkludi wkoll studju etiku dwar il-proċess tal-konservazzjoni minn Adriana Alescio u l-kuntest artistiku profond mill-mexxej tal-proġett tal-ACC Dr Christian Attard.

“Aħna ninsabu grati ħafna għal din l-opportunità biex nieħdu sehem fi proġett ta’ restawr fuq waħda mill-ikoni l-aktar storiċi ta’ Malta,” qal is-CEO tal-BOV Mario Mallia. ‘Is-simpożju xeħet aktar dawl fuq dan il-monument nazzjonali li aħna ninsabu ħerqanin ħafna biex narawh jerġa’ lura fin-niċċa tiegħu fejn għal darb’oħra jkun jista’ jiġi meqjum minn dawk li jemmnu.”

Is-simpożju kien indirizzat ukoll mill-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca.

Filmat u editjar: Luke Zerafa