http://www.assembly.coe.int/nw/SessionVideoPress-EN.asp

Pieter Omtzigt, ir-rapporteur speċjali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa  (PACE) dwar il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, tkellem dwar l-assassinju tagħha u s-saltna tad-dritt f’Malta. Huwa jixtieq li jiżgura li toħroġ il-verità sħiħa.

Huwa ħejja rapport fuq is-suġġett: ‘L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u r-rispett lejn il-liġi f’Malta u lil hinn minna: assigurazzjoni li toħroġ il-verità’. Dan wara li kienet għaddiet mozzjoni għar-reżoluzzjoni ffirmata minn 114-il membru tal-assemblea.

Pieter Omtzigt inħatar mill-Kumitat PACE dwar il-Liġi u d-Drittijiet Umani biex jipprepara r-rapport. Hu qal li huwa importanti li min ordna l-qtil tal-ġurnalista jingħata l-kastig li ħaqqu.

Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, l-Avukat Ġenerali Peter Grech u Martin Kuijer, membru Parlamentari Olandiż u rapporteur tal-Kummissjoni ta’ Venezja, li hija l-bord konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa li tagħti pariri dwar affarijiet kostituzzjonali.

10:15 Pieter Omtzigt qal li l-Kummissjoni ta’ Kontra l-Korruzzjoni ilha teżisti għal dawn l-aħħar 30 sena u li l-kwistjonijiet serji tal-Panama Papers qed jintefgħu lejn il-ġenb u jiġu deskritti bħala ‘mhux evidenza’. Bonnici qal li kien hemm inkjesta maġisterjali dwar il-Panama Papers li sabet li kien hemm dokumenti foloz fil-każ tal-kumpanija Egrant.

10:10 Il-Ministru Bonnici, bi tweġiba għal Jason Azzopardi qal li filwaqt li ma kienx jaqbel mal-istil ta’ kitba ta’ Caruana Galizia xorta kkundanna l-qtil. Iddefenda lil Brian Tonna peress li kien konsulent għall-kultura. Żied jgħid li hemm inkjesti maġisterjali dwar il-Panama Papers. Bi tweġiba għal mistoqsija dwar il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia, Bonnici qal li ma kellux idea dwar kif dan seta’ jispiċċa l-Ġermanja. Bonnici kkonkluda li Malta ma tfissirx li r-restawr tal-monumenti jieħu żmien twil. Qal li Malta hija ħafna aktar minn hekk.

10:05 Il-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi elenka numru ta’ kwistjonijiet li qal li jtappnu lill-gvern bil-korruzzjoni b’rabta mal-impunità li jgawdu persuni involuti fl-iskandlu tal-Panama Papers bħall-Ministru Konrad Mizzi u l-accountant Brian Tonna. Dr Stefan Zrinzo Azzopardi staqsa jekk il-Gvern kienx qed jaħdem biex jintroduċi r-riformi li ssemmew mill-Kummissjoni Venezja. Pieter Omtzigt staqsa għalfejn Malta damet tliet xhur tnaddaf il-Monument tal-Assedju l-Kbir li ddeskriva bħala mafkar importanti għall-ġurnalista assassinata. Qal li t-tindif tal-Arc de Triomphe fi Franza ħa biss 11-il ġurnata.

09:55 Pieter Omtzigt staqsa lil Dr Grech jekk intalbitx l-għajnuna mill-UAE u ġurisdizzjonijiet oħra fl-investigazzjoni b’rabta ma’ Caruana Galizia. Grech qal li ma kienx ikun xieraq li jwieġeb dik il-mistoqsija fid-dawl tal-investigazzjonijiet.

09:50 Maritn Kuijer membru għan-Netherlands, Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi, Kunsill tal-Ewropa qal li r-rapport sab li l-poter f’Malta jinsab f’idejn il-prim ministru, li membri parlamentari huma part-time u li għandu jkollhom informazzjoni li mhix partiġġjana. Qal li l-President għandu jkun ‘il bogħod mill-gvern u li hemm bżonn riforma fil-ġudikatura. Kuijer qal ukoll li hemm bżonn li l-karigi jingħataw skont il-mertu u li hemm bżonn aġġornament fid-dixxiplina tal-ġudikatura. Qal li r-rapport jirrakkomanda t-twaqqif ta’ prosekutur pubbliku b’sigurtà fit-titlu tiegħu u li l-avukat ġenerali jibqa’ jservi bħala l-avukat tal-Gvern.

09:40 L-Avukat Ġenerali Peter Grech spjega x’kien ix-xogħol tiegħu bħala l-avukat tal-Gvern u l-pożizzjoni fl-inkjesti maġisterjali. Grech qal li minkejja l-arresti ta’ tliet persuni, ma setax jeskludi li jkun hemm aktar arresti. Irrefera għax-xewqa tal-familja tal-ġurnalista għal inkjesta pubblika. Qal li n-neċessità ta’ din kienet diskutibbli però ma setax jiġi eskluż. Qal li dak li huwa neċessarju bħalissa huwa biex jinstab jekk inkjesta pubblika hix se ttellef l-investigazzjonijiet li qed isiru bħalissa.

09:30 B’referenza għall-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia, li l-Ministru ddeskriva bħala “brutali”, Bonnici qal li l-awtoritajiet relevanti mhux biss ingħataw l-għoddod neċessarji imma, fi ftit jiem kienu ħarrku tliet persuni u ħadmu mal-awtoritajiet mill-Finlandja u min-Netherlands. Dwar il-Kummissjoni Venezja, Bonnici qal li r-rakkomandazzjonijiet dwar l-Avukat Ġenerali u dwar il-ġudikatura kienu qed jiġu kkunsidrati peress li dawn jirrekjedu emendi kostituzzjonali. Qal li hemm il-mira biex it-tibdil isir lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

09:25 Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici elenka t-titjib li qal li għamel il-gvern fl-aħħar snin biex titjieb is-saltna tad-dritt. Semma t-tneħħija tal-libell kriminali u liġijiet ta’ kontra l-iSLAPP. Qal li Malta daħlet mal-EPPO fost inizzjattivi oħra.