Dr Adrian Delia Kap tal-Partit Nazzjonalista, ddeskriva d-deċiżjoni ta’ Hermann Schiavone biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista bħala ”l-iżjed ħaġa onorabbli.“ Waqt li kien jitkellem f’Ħal Balzan Delia qal li “il-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jċedi jew jieqaf milli jikkritika l-korruzzjoni tal-Gvern Soċjalista.” Huwa qal li diversi rapporti internazzjonali qed jikkundannaw lill-Gvern ta’ Muscat “għax ħataf l-istituzzjonijiet”. Ikkritika lill-Ministru Konrad Mizzi mhux biss għax fetaħ kontijiet fil-Panama iżda anke għax qal li se jagħmel l-ajruport ta’ Malta tajjeb daqs l-ajruport ta’ Gatwick.

L-MPs tal-PN jwettqu li jippriedkaw

Il-Kap tal-PN qal li s-sospensjoni minn rajh ta’ Hermann Schaivone MP hija xhieda evidenti li l-membri parlamentari Nazzjonalisti jwettqu dak li jippritkaw b’għemilhom. Hermann Schiavone ħa d-deċiżjoni li jissospendi lilu nnifsu wara laqgħa li hu u Kristy Debono MP kellhom mas-sid tal-Kumpanija 17 Black u wieħed mid-Diretturi ta’ Tumas Group Yorgen Fenech.

Ara: Schiavone jitlob li jissospendi ruħu mill-grupp parlamentari; Delia jilqa’ t-talba

Delia li waqt li Schiavone issospenda lilu nnifsu fuq talba għal-sala l-Gvern ma jagħmel xejn minkejja li rapporti internazzjonali jikkundannaw lill-Ministri. Delia qal li minkejja li r-rapport tal-kumitat GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa kkundanna lill-Gvern għall-mod kif l-istituzzjonijiet huma maħtufa, il-Ministru Owen Bonniċi qal biss li ħa nota tar-rapport.

Ara: Istituzzjonijiet tajbin fuq il-karta; imma effettivi? – GRECO

Malta se taffaċċja konsegwenzi serji

Delia qal li Malta tista’ taffaċċja konsegwenzi serji jekk ma tirranġax il-punti li r-rapport Moneyval tal-Kunsill tal-Ewroppa elenka dwar Malta fejn jidħol il-ħasil tal-flus. Delia qal li jekk ma tittieħedx azzjoni fuq il-punti msemmija Malta tista’ tispiċċa black listed u dan iħalli konsegwenzi fuq min jagħżel jinvesti f’Malta. Il-Ministru Scicluna ipprova jwaqqa’ dan ir-rapport

Ara: Il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus f’Malta baqgħu fuq il-karta – Moneyval

Il-Kap tal-PN semma kif f’kull pajjiż fejn kien hemm ministri li ssemmew fil-Panama Papers irriżenjaw iżda l-Ministru Konrad Mizzi u Chief of Staff Keith Schembri ma rriżenjawx. Kompla li dawn komplew ingħataw iktar saħħa u qed ikomplu jagħmlu iktar ħsara lil Malta. Huwa qal li Konrad Mizzi huwa l-istess Ministru li iffirma l-kuntratt “biex ta b’xejn tliet sptarijiet tal-poplu lil Vitals, kumpanija bla esperjenza fis-settur mediku, u li telqu b’€50 miljun.”

L-ajruport ma jistax  jinbidel f’Gatwick

Delia qal li huwa impossibbli dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi li jrid jibdel l-ajruport internazzjonali ta’ Malta f’Gatwick, ajruport f’Londra. Delia qal li dan il-proġett tħabbar għax ġejja l-elezzjoni iżda imbagħad ma jsir xejn. Delia qal li l-uinika proġett li għamel il-Gvern kien dak tal-power station tal-gass u li bih il-konsumatur Malti qed iħallas prezz ogħla biex jixtri l-elettriku.

Delia appella lill-poplu li juri li mhux qed jaqbel ma’ dak li qed jagħmel il-Gvern billi juża l-vot tiegħu u jibgħat messaġġ ċar lill-Partit Laburista li Malta ma tridx il-korruzzjoni.

Sospensjoni finta – Il-PL

B’reazzjoni għal dak li għamel Hermann Schiavone, il-Partit Laburista qal li Delia prova jagġti impressjoni li Schiavone ssosspenda lilu nnofsu anke jekk dan ma għamel xejn ħażin. Il-Partit Laburista kompla li bl-istess kejl, Delia missu ssospenda lilu nnifsu minħabba akkużi serji li jinkludu ħasil ta’ flus. Żied li permezz ta’ dan l-argument Delia wera li din hija biss riżenja finta biex taħbi l-qasma interna li hemm fil-Partit Nazzjonalista ġimgħat qabel l-elezzjoni.