Curia

L-Erbgħa 17 ta’ April fis-7pm l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed imexxi Via Sacra Djoċesana li se tibda minn ħdejn l-istatwa ta’ Kristu Re, quddiem il-lukanda Phoenicia, u tintemm quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Matul din il-Via Sacra se jinqara test li huwa adattament tal-Via Sacra li l-Papa Franġisku mexxa s-sena l-oħra fil-Kolossew, f’Ruma, fil-Ġimgħa l-Kbira. Wara li tispiċċa l-Via Sacra l-Arċisqof se jkun qed ibierek il-ġemgħa bir-relikwa tas-Salib Imqaddes. Din hija waqda mill-iktar relikwi importanti tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u waslet Malta minn Rodi permezz tal-Kavallieri.

Għal din il-Via Sacra l-Insara kollha huma mistiedna li jattendu. Il-Via Sacra se ssir lejliet it-Tridu tal-Għid li matulu l-Knisja kollha tfakkar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.

Il-Via Sacra taf il-bidu tagħha bejn is-seklu 12 u 13 u hija riflessjoni ta’ dak li għadda minnu Ġesù fil-pretorju, fil-fortizza Antonia f’Ġerusalemm u matul it-triq sal-għolja tal-Kalvarju, fejn ġie msallab.