L-Ewroparlamentari Miriam Dalli hija fost 40 persuna li skont Politico għamlu differenza tul l-aħħar ħames snin. Miriam Dalli hija l-unika Maltija li tinsab f’din il-lista.

Politico semmew il-ħidma ta’ Dalli f’oqsma bħall-klima, l-ambjent u l-immigrazzjoni, peress li għaddiet liġijiet minkejja l-oġġezzjonijiet ta’ forzi konservattivi u lobbies b’saħħithom. F’Diċembru li għadda, Dalli tqieset minn Politico bħala politika li se tkun qed tinfluwenza l-politika Ewropea tul l-2019.

B’reazzjoni għal dan ir-riżultat, Dalli qalet li hi tieħdu bħala messaġġ ċar li “nistgħu nagħmlu d-differenza, ġejjin minn fejn ġejjin, meta jkollna l-perseverenza u d-determinazzjoni li nagħmlu bidla pożittiva.” Hija qalet li tul il-5 snin li għaddew, hija ħadmet biex tagħmel dak li temmen fih. Qalet li kellha negozjati diffiċli, iżda ppruvat tgħaqqad pożizzjonijiet differenti.