Martin Galea

L-Uffiċċju Meteoroloġiku kkonkluda li din ix-xitwa għamel iżjed silġ milli jagħmel is-soltu, peress li għamel 7 darbiet, mentri normalment jagħmel 5 darbiet fl-istaġun.

Barra minn hekk, ir-rapport tal-Uffiċċju Meteoroloġiku juri li x-xitwa bdiet b’temperaturi għoljin, b’19.4°C fil-bidu ta’ Diċembru, u ntemmet b’temperatura rekord ta’ 3.7°C lejn tmiem Frar. Madankollu, minkejja li wħud forsi ħasbu li din ix-xitwa kienet iżjed qalila minn oħrajn qabilha, it-temperatura medja kienet ta’ 12.7°C meta s-soltu tkun 13°C.

Mil-lat tax-xita, din ix-xitwa kienet iżjed niexfa mis-soltu, peress li għamlet 223 millimetru xita, mentri l-ammont medju għall-istaġun ikun ta’ 247.8 millimetru. Iżda d-Diċembru bati malajr patta f’Jannar, peress li għamlet it-tripplu tax-xita f’Jannar milli għamlet f’Diċembru.

Minkejja x-xita u s-silġ u r-riħ, ix-xitwa li għaddiet rat ukoll ħafna sigħat xemxin, b’total ta’ 578.1 siegħa, 75 siegħa iżjed mis-soltu.