Il-Papa Franġisku jsellem lin-nies fl-udjenza ġenerali tal-Erbgħa li għadda

Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li għadda il-Papa Franġisku kompla l-katakeżi tiegħu dwar it-talbba tal-Missierna b’riflessjoni fuq it-talba “Aħfrilna Dnubietna” u qal li aħna għandna bżonn il-maħfra kuljum hekk kif għandna bżonn il-“ħobżna ta’ kuljum”.

“Anke kieku konna perfetti, kieku konna qaddisin li qatt ma ħriġna mit-triq “dejjem nibqgħu ulied li nafu kollox lill-Missier”, qal ill-Papa filwaqt li spjega kif aħnna midjunin ma’ Alla.

Is-suppervja – l-akbar periklu

Il-Papa wissa’ kontra d-dnub tas-suppervja u qal li din hi “l-aktar attitudni perikoluża għall-ħajja nisranija”.  Hu qal li xi dnubiet huma ovvji imma oħrajn huma insidjużi u jnawwru l-qalb bla ma nindunaw. Is-suppervja hi l-agħar minn dawn id-dnubiet, qal il-Papa. Id-dnub tas-suppervja jista’ jinfetta lil dawk il-persuni li jgħixu ħajja reliġjuża intensa. Hu kkwota mill-ewwel ittra ta’ San Ġwann u qal li “jekk ngħidu li ma għandna ebda dnub inkunu qed nidħku bina nfusna”.

Il-Papa Franġisku żied jgħid li għalkemm aħna midjunin ma’ Alla minħabba d-dnubiet tagħna, aħna debituri l-ewwelnett għaliex “f’din il-ħajja irċivejna ħafna mingħand Alla”. Anke meta l-ħajja ssir diffiċli dejjem irridu “infakkru lilna nfusna li l-ħajja hi grazzja, hi l-miraklu li Alla ħoloq mix-xejn.

Nistgħu nħobbu għax aħna maħbua

 Il-Papa qal li aħna midjuna m’Alla għax ħadd minnha m’hu kapaċi jħobb mingħajr il-grazzja t’Alla. Huwa fisser dan bħala “l-misteru tal-qamar” li ma jdawwalx bid-dawl tiegħu imma jirrifletti d-dawl tax-xemx. ‘Jekk inħobbu, qal il-Papa hu għax aħna maħbuba. Jekk naħfru hu għax lilna ħafrulna”.

“Ħadd minnha ma jħobb lil Alla daqskemm ħabbna hu”, qal Papa Franġisku. “Biżżejjed li toqgħod quddiem Kurċifiss biex tinduna bid-differenza kbira bejnna u Alla: Hu ħabbna u dejjem Hu jħobbna l-ewwel”.

Hu temm id-diskors tiegħu bi stedina, biex nitolbu: “Mulej, anke l-akbar qaddisin fostna huma debituri lejk. Missier ikollok ħniena minna”.