L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma waqt ix-xhieda tiegħu qal li t-tliet akkużati bil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kienu jafu li r-raġuni għalfejn primarjament qed jiġu arrestati kienet minħabba l-assassinju tal-ġurnalista.

AQRA: Assassinju Daphne: Aktar ħajjiet jinsabu f’riskju – avukati

AQRA: Assassinju Daphne: L-espert tal-IT se jitħalla jixhed fil-Qorti llum

Theuma xehed fil-Qorti llum hekk kif issoktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra t-tliet akkużati bil-qtil tal-ġurnalista nhar is-16 ta’ Ottubru 2017.

AQRA: Assassinju Daphne: Seduta mqanqla; intużaw mal-400 gramma fi splussiv

L-aħwa George u Alfred Degiorgio flimkien ma’ Vincent Muscat huma suspettati li għamlu karozza bomba li ħalliet lil Caruana Galizia mejta ftit metri ‘l bogħod minn darha.

L-Assistent Kummissarju Theuma xehed dwar il-proċedura li ntużat meta ttieħdu kampjuni minn ħalq l-irġiel waqt li kienu fil-kustodja tal-Pulizija. Theuma spjega li preżenti għat-teħid tal-kampjun kien hemm il-maġistrat inkwirenti. Huwa spjega lill-Qorti li Muscat irrifjuta li jagħti l-kampjun.

AQRA: Assassinju Daphne: L-esperti jgħidu kif identifikaw id-dgħajsa

Fil-kontro-eżami l-avukat ta’ William Cuschieri staqsa lil Theuma jekk il-proċedura u l-bżonn tagħha ġietx spjegata lill-akkużati u jekk ingħatawx id-dritt li jfittxu l-assistenza legali f’dak l-istadju.

L-Assistent Kummissarju wieġeb li huwa ma kienx hemm il-ħin kollu għalhekk ma jistax jgħid jekk dan seħħx jew le. Huwa sostna li ma jiftakarx lanqas jekk kienux infurmati waqt li kien hemm.

Illum reġa’ xehed rappreżentat tal-Europol li reġa’ nġab Malta biex jikkoreġi rapport li kien ippreżenta fil-Qorti.

Il-Qorti osservat kif it-teknoloġija użatha mill-Forzi Armati ta’ Malta biex jiffilmjaw l-arrest tat-tliet akkużati kienet antika filwaqt li biex jirkupraw il-filmat mill-SD card kien hemm possibilità li jintilef kollox. Il-Prosekuzzjoni mmexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud infurmat il-Qorti li l-SD card tinsab f’idejn esperti Polakki hekk kif l-esperti Ingliżi ma setgħux jgħinu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra flimkien mal-avukat Philip Galea Farrugia mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-avukati William Cuschieri u Martha Muscat dehru għal Alfred Degiorgio (53) magħruf bħala l-Fulu, l-avukat Martin Fenech deher għal Vince Muscat (55) magħruf bħala l-Koħħu, l-avukat Josette Sultana dehret għal George Degiorgio (55) magħruf bħala ċ-Ċiniż.

L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Costanzi dehru għall-familja Caruana Galizia.

Il-Qorti kienet preseduta mill-maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Il-każ ikompli fit-3 ta’ Mejju.