Is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni Silvio Schembri qal li l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni ma ħarġet l-ebda liċenzja lill-ebda kumpanija għas-servizzi tal-5G. Huwa ħabbar li l-Gvern laqa’ l-proposta tal-Partit Demokratiku biex jiddiskuti l-5G mal-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa.

‘Il-5G tagħmel il-ħsara lis-saħħa tal-bniedem’ – Godfrey Farrugia

Il-Partit Demokratiku talab fi stqarrija dalgħodu li jitwaqqaf kumitat speċjali fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li jiżgura li s-saħħa pubblika u ambjentali ma jiġux affettwati. Huma talbu li ċ-chairperson tal-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa jkun involut fil-kwistjoni.

Fi stqarrija, is-Segretarjat kompla jgħid li l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) tiċċekkja l-livelli ta’ radjazzjoni elettromanjetika minn sorsi ta’ komunikazzjoni ta’ sikwit, sabiex tistabbilixxi li dawn ikunu konformi mal-istandards u l-kriterji. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet huma disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità.

Schembri qal li s-sigurtà diġitali u s-saħħa taċ-ċittadini Maltin mhumiex se jintremew għall-profitt.

Fil-Parlament, il-mexxej tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia, li huwa wkoll tabib, qal li filwaqt li hu xjentifikament muri li t-3G tista’ tikkawża ħsara fuq il-bniedem fosthom il-kanċer, il-5G hija aktar perikoluża b’użu iktar b’saħħtu tar-raġġi elettromanjetiċi.