L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li l-bnedmin iridu jieħdu l-eżempju tal-Verġni Marija u jaffaċċjaw it-tbatija bħalma għamlet hi taħt is-salib li fuqu ssallab binha Ġesù. Qal li l-Maltin illum qegħdin jgħixu f’soċjetà tat-tajjar, li tipprova trattab kull waqgħa u tinjora kull diqa, iżda hu inkoraġġixxa lill-Maltin u l-Għawdxin biex iħaddnu t-tbatija, għax minnha jaf joħorġu farka pożittività. Dan qalu waqt l-omelija tal-festa tad-Duluri fir-Rabat.

L-Isqof Grech innota li huwa ironiku l-fatt li ħafna qegħdin ibatu bl-isforz li jagħmlu biex ibiegħdu t-tbatija minnhom. Huwa kkummenta fuq il-kultura tal-pjaċir li qed tiddomina ħajjet il-bniedem, u taffettwa b’mod partikolari lill-ġenerazzjonijiet li telgħin. “Id-dixxiplina tfajnieha ‘l barra mit-tieqa,” qal l-Isqof Grech, hu u jikkritika l-fluwidità ta’ ġenerazzjoni li taħrab mill-impenn u s-sagrifiċċju. B’ton ta’ umiltà, huwa qal li din il-kultura li wieħed jaħrab jew jevita t-tbatija taħkem lis-saċerdoti u r-reliġjużi wkoll.

Madankollu, diskorsu ħa xejra oħra meta qal li jekk il-bniedem jagħraf jgħix it-tbatija, din issaħħu u tgħinu jimmatura, kemm umanament u anke spiritwalment. Huwa ġab eżempju bid-Duluri, li ffaċċjat id-duluri tagħha b’mod kostruttiv biex psikoloġikament u spiritwalment tkun matura biżżejjed biex Ġesù fdalha l-umanità kollha. 

Huwa appella lil dawk kollha li għaddejjin minn xi sofferenza biex, bħal Marija, joffru t-tbatija tagħhom bħala rigal għal ħaddieħor.