L-attivisti ta’ Reżistenza Malta qalu li l-ebda politiku jew persuna f’kariga pubblika ma ġie interrogat b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, l-attivisti qalu li dan mhux aċċettabbli. Żiedu jgħidu li m’hemmx rieda biex il-verità “skomda” tkun stabbilita.

Il-grupp qal ukoll li l-istituzzjonijiet Maltin huma mifnija minn taħlita ta’ inkompetenza, kollużjoni, u kompliċità. “Jeħtieġ li pajjiżna jitfa’ dawl fuq din il-paġna sewda tal-ħajja tal-istituzzjonijiet pubbliċi Maltin. Il-verità jafha kulħadd: minflok prevaliet il-ġustizzja, prevala d-dlam,” qalu l-attivisti. Fil-fehma tagħhom il-Pulizija rrifjutat li tieħu passi kriminali kontra politiċi u persuni f’karigi pubbliċi għolja li kienu abbużaw kriminalment mill-fiduċja fdata lilhom mill-poplu.

Assassinju Daphne: Rapport fil-Kunsill tal-Ewropa biex toħroġ “il-verità”

Reżistenza Malta qalet li fl-Italja għal għexieren ta’ snin kien jingħad li “La Mafia non esiste” (il-Mafja ma teżistix) u kien biss meta s-soċjetà Taljana rrikonoxxiet l-eżistenza tal-Mafja li tali fenomenu kriminali beda jkun miġġieled bis-serjetà. Qalu li f’Malta l-korruzzjoni tista’ tintgħeleb biss meta l-poplu jirrikonoxxi li Malta hi mifnija bil-korruzzjoni u li bosta ma jaraw xejn ħażin b’dan.

Reċentament, l-avukati tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalu li sakemm issir investigazzjoni dwar jekk l-assassinju ta’ Caruana Galizia setax jiġi evitat, aktar ħajjiet jinsabu f’riskju.

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma waqt ix-xhieda tiegħu qal li t-tliet akkużati bil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kienu jafu li r-raġuni għalfejn primarjament qed jiġu arrestati kienet minħabba l-assassinju tal-ġurnalista.