Il-Papa Franġisku jinżel ibus riġlejn il-mexxejja tas-Sudan t'Isfel, ġest li ssorprenda lil kulħadd

Fi tmiem irtir li aktar kmieni din il-ġimgħa kellhom fil-Vatikan il-mexxejja tas-Sudan t’Isfel, il-Papa Franġisku wara li għamlilhom diskors qasir, warrab il-protokol, niżel għarkubtejh u bies riġeljn l-awtoritajiet ċivili ta’ dan il-pajjiż. Dan kien ġest simboliku imma b’sinjifikat kbir.

Għal dan l-iritir attendew Kiir Mayardit, President tar-Republika; il-Viċi Presidenti magħżula Riek Machar Teny Dhurgon, Taban Deng Gai, u Rebecca Nyandeng De Mabio, armla tal-mexxej tas-Sudan, “ qalilhom il-Papa. “Nitlobkom minn qalbi. Ejjew nimxu ‘l quddiem. Se jkun hemm ħafna problemi, iżda tibżgħux, imxu ‘l quddiem u solvu dawn il-problemi”, appellalhom il-Papa.

“Intom bdejtu proċess li nittamma li jispiċċa sew. Jekk ikun hemm tilwim dan għandu jibqa’ fl-uffiċċju, imma fil-pubbliku, quddiem in-nies, żommu jdejkom magħquda u minn ċittadini sempliċi ssiru Missirijiet tan-Nazzjon”, stedinhom Papa Franġisku.

Il-Papa beda d-diskors tiegħu bil-kliem ta’ Kristu Rxoxt lill-Appostli “Il-Paċi magħkom”. “Il-paċi hi l-ewwel rigal li ġibilna Alla u hi l-ewwel impenn li għandu jkollhom il-mexxejja tan-nazzjonaijiet. Il-paċi hi kundizzjoni fundamentali biex nassiguraw id-drittijiet ta’ kull individwu u l-iżviluppintegrali dwar il-poplu kollu.”

Il-ħarsa t’Alla 

Hu qal li l-iskop tal-irtir li għamlu l-mexxejja tas-Sudan t’Isfel għamlu fil-Vatikan hu “li nkunu flimkien quddiem Alla u niddixxernu r-reida Tiegħu”. Hu fakkar lill-awtoritajiet li għandhom responsabbiltà enormi li joffru futur lill-poplu tas-Sudan t’Isfel u li Alla jitlobna rendikont mhux biss ta’ ħajjitna imma għall-ħajja tal-oħrajn.

Kull irtir spiritwali għandu jwassalna biex inħossu li ninsabu quddiem “il-ħarsa t’Alla… li kapaċi jara l-verità fina u jmexxina lejn dik il-verità.”

Il-Papa fakkar fil-ħarsa ta’ “Kristu fuq Pietru”, li l-ewwel qallu biex iwettaq il-pjan tas-salvazzjoni tal-poplu tiegħu.  Il-Papa qal li din kienet “ħarsa ta’ għażla”.  Imbagħad Ġesù ħares lejn Pietru wara li dan ċaħdu tliet darbiet f’Ħamis ix-Xirka.  Din kienet il-ħarsa li messet qalb Pietru u kkonverta.

Fl-aħħar, wara li Kristu Rxoxta “Ġesù għal darb’oħra iffissa ħarstu fuq Pietru u għal tliet darbiet staqsih hekk iħobbux u kien hawn li afdalu l-missjoni li jieħu ħsieb il-merħla tiegħu.

“ll-ħarsa t’Alla issa qegħda fuq kull wieħed minnha” qal il-Papa lill-mexxejja Sudaniżi. “Importanti li niltaqgħu mal-ħarsa tiegħu u nistaqsu lilna nfusna: ‘X’inhi l-missjoni u x-xogħol li Alla qed jafdali għall-ġid tal-poplu Tiegħu?”

“Alla poġġa fiduċja kbira fina meta għażilna biex biex naħdmu miegħu fil-ħolqien ta’ dinja aktar ġusta. Ħarstu tidħol fil-fond ta’ qalbna. Hi ħarsa li tħobb, tibdel, tirrikonċilja u tgħaqqadna”, qal il-Papa Franġisku.

Il-ħarsa tal-poplu 

Il-Papa Franġisku mbagħad tkellem dwar “ħarsa oħra”, dik tal-poplu, ħarsa li “tesprima x-xewqa kbir tal-poplu għall-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi. Huwa qal li spiritwalment iħossu qrib ir-reguġjati u l-morda u fakkar lil “dawk kollha li tilfu l-maħbubin tagħhom jew djarhom, lill-familja li sfaw mifruda u ma reġgħux ingħaqdu, lit-tfal u l-anzjani, lin-nisa u l-irġiel li sofrew mill-kunflitti u l-vjolenza li ġiebu tant imwiet, ġuħ, uġiegħ u dmugħ”.

“Jien il-ħin kollu naħseb fuq dawn in-nies li qed ibatu u nitlob li n-nar tal-gwerer jintefa biex dawn in-nies ikunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom u jgħixu fil-paċi”, żied il-Papa.

Il-paċi hi possibbli    

“Ma ngħajja qatt nirrepeti li l-paċi hi possibbli!”, iddikjara l-Papa Franġisku. Il-paċi hi rigal minn Alla imma hemm ukoll id-dover suprem ta’ dawk li huma responsabbli mill-popli”. Aħna lkoll imsejħa biex infittxu l-paċi u nibnu l-paċi permezz tad-djalogu, in-negozjati u l-maħfra.  Ftakru li bil-gwerer jintilef kollox!”.

Il-Papa Franġisku rrifera għall-Ftehim ta’ Paċi li kien iffirmat f’Settembru li għadda mill-ogħla awtoritajiet tas-Sudan t’Isfel. Hu feraħ lill-firmatarji ta’ dan id-dokument talli “għażlu t-triq tad-djalogu” u talli urew li huma “lesti jagħmlu kompromessi” u għad-“determinazzjoni tagħhom li jiksbu l-paċi”.

Talba tal-aħħar  

Il-Papa kkonferma x-xewqa u t-tama tiegħu li dalwaqt, bil-grazzja t’Alla, ikun jista’ jżur is-Sudan t’Isfel flimkien mal-Arċisqof ta’ Canterbury.

Huwa temm ir-riflessjoni tiegħu b’talba li fiha talab lil Alla l-Missier” “biex bis-saħħa tal-Ispirtu imiss il-fond ta’ kull qalb umana biex l-għedewwa jkunu miftuħa għad-djalogu, l-avversarju jżommu idejn xulxin u l-popli jiltaqgħu f’armonija. Jalla t-tfittxija ġenwina għall-paċi, ssolvi l-kunflitti u jalla l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda u t-tfattija tinbidel f’maħfra”.