L-immigranti li kienu abbord il-bastiment Alan Kurdi waslu Malta fl-aħħar ħin, fejn iddaħħlu minn Haywharf permezz ta’ bastimenti tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Aqra: Aġġornata: L-immigranti ta’ Alan Kurdi se jiddaħlu Malta mill-AFM dalwaqt

Aktar minn 60 immigrant niżlu Malta minn dgħajsa tal-AFM fil-bażi ta’ Haywharf, wara li dawn tniżżlu mill-bastiment tas-salvataġġ Alan Kurdi. Huwa maħsub li fost it-62 li niżlu kien hemm żewġ minuri.

Il-maġġoranza ta’ dawk li niżlu Malta kienu rġiel. Fosthom kien hemm madwar sitt nisa. Huwa maħsub li l-maġġoranza tal-immigranti ġejjin minn-Niġerja.

L-immigranti se jitqassmu fost erba’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea – il-Ġermanja, Franza, il-Portugall u l-Lussemburgu. Il-Gvern Malti sostna li l-ebda immigranti mhu se jinżamm f’Malta.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm 60 adult fil-grupp u żewġ minuri. Tnejn minn dawk li niżlu Malta ntbgħatu l-isptar Mater Dei għal check up. Ma kienx hemm informazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-bqija tal-grupp. Skont il-Pulizija, l-immigranti oriġinaw min-Nigeria, Cameroon, Ghana, Benin, il-Kosta tal-Avorju, u s-Senegal.

Filmat: Gordon Watson