Reuters

L-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump qablet li tippermetti  li 2,700 tifel u tifla li qed jgħixu fl-Amerika Ċentrali jingħaqdu mal-ġenituri tagħhom li jinsabu fl-Istati Uniti. Dan wara tranżazzjoni ġudizzjarja mħabbra lbieraħ skont dokumenti tal-Qorti.

Reuters irrapporta kif il-kawża sfidat deċiżjoni li ħa Trump fl-2017 sabiex iwaqqaf il-programm li jħalli t-tfal li qed jgħixu fl-Amerika Ċentrali jingħaqdu mal-ġenituri tagħhom fl-Istati Uniti b’mod legali. Il-programm Central American Minors, li kien beda fl-2014, kien jippermetti li ġenituri li qed jgħixu fl-Istati Uniti b’mod legali, jitolbu għal status ta’ refuġjati għal uliedhom li jgħixu fil-Guatemala, El Salvador u l-Honduras.

Bosta mill-ġenituri jinsabu fl-Istati Uniti taħt status protett temporanjament, li jħalli immigranti minn pajjiżi li sofrew diżastri naturali, ġlied ċivili u problemi oħrajn, jgħixu fl-Istati Uniti. Ix-xahar li għadda, il-Maġistrat Laurel Beeler f’San Fransisco ordnat li l-Gvern jerġa’ jibda jipproċessa t-tfal li kienu ġew kundizzjonalment approvati għall-programm meta kien ġie terminat mill-amministrazzjoni ta’ Trump.

It-tranżazzjoni ġudizzjarja li għadha fil-bżonn ta’ approvazzjoni minn imħallef qed ttitlob lill-Gvern sabiex jispiċċa l-proċess ta’ tfal li kienu fi stadju finali tal-applikazzjoni tagħhom meta l-programm ġie terminat.