MEP-Miriam-Dalli

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli qalet fi stqarrija li flimkien mal-Grupp Soċjalisti u Demokratiċi irnexxielhom jirribattu u jwaqqfu argument li seta’ jwassal għal riżoluzzjoni li tiskatta Artiklu 7 kontra Malta.

Fi stqarrija mill-Partit Laburista ġie spjegat li Dalli kienet qed tirreferi għar-riżoluzzjoni adottata fil-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f’Malta u l-Islovakkja. Skont l-istqarrija, l-ewwel abbozz li ġie ċċirkolat kien jimbotta lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti bidu għall-Artiklu 7. Dan il-proċess seta’ jwassal għall-eventwalità tas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot u l-aċċess għall-fondi Ewropej.

Intant, il-Membru tal-Parlament Ewropew Ġermaniż tal-Ħodor Sven Giegold kien qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tara li s-sitwazzjoni f’Malta tkun priorità kbira u biex tiskatta proċedura taħt Artiklu 7 tat-trattati tal-UE. Qal ukoll li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew għandhom jistaqsu lilhom infushom għalfejn il-Partit Laburista għadu membru tal-grupp parlamentari tiegħu.

Dalli semmiet kif minkejja li wara din l-istqarrija ta’ Giegold, il-Partit Nazzjonalista pprova jitbiegħed mill-istqarrijiet kontra Malta minkejja li kienu ħadmu viċin Giegold fejn anke indirizzaw konferenzi stampa fuq Malta. Intant semmiet kif Giegold akkuża lill-PN b’kodardiżmu politiku meta opponew il-pożizzjoni tiegħu.

Fi stqarrija, Giegold qal li qatt ma stenna xi ċapċip mill-PL. Żied jgħid li “political cowardice” li l-PN ilu s-snin jilmenta dwar il-korruzzjoni u l-impunità però imbagħad jieħu pożizzjoni b’saħħitha kontra l-ftuħ ta’ proċedura taħt Artiklu 7. Qal li Artiklu 7 huwa għal meta jinkisru l-valuri fundamentali Ewropej b’mod sistematika. Qal li dan huwa eżatt dak li sab il-Kunsill tal-Ewropa. Fi kliem Giegold, investigazzjoni dwar ir-rispett lejn il-liġi f’Malta mill-Unjoni Ewropea tista’ ssaħħaħ il-vuċi ta’ dawk kollha li f’Malta iridu jaraw aktar rispett lejn il-liġijiet.