Fl-okkażjoni ta’ Ħadd il-Palm l-Arċisqof Charles Scicluna fl-omelija tiegħu tkellem dwar Ġesù li kien ikkundannat iżda kien innoċenti u li fuq is-salib sar l-avukat tal-umanità kollha meta talab lill-missieru biex jaħfer lil min ħaqru. L-Arċisqof qal li l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa turi dak kollu li Ġesù għamel għan-nies tad-dinja kollha.

“Għamlu dan b’tifkira tiegħi”

Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof għamel referenza għal kliem ta’ Ġesù meta waqqaf l-Ewkaristija u qal li dan għandu jkun kliem ta’ ispirazzjoni u gratitudni. Il-kliem ta’ Ġesù “għamlu dan b’tifkira tiegħi” huma wkoll il-kmandament li aħna nħaddmu f’din il-Ġimgħa Qaddisa, qal l-Arċisqof.

L-Arċisqof kompla jgħid li dak kollu li se niċċelebraw huwa tifkira ta’ dak kollu li għamel Ġesu. Il-Mulej f’dawn il-jiem qed ifissrilna l-kliem ta’ mħabba kbira meta huma ngħata għalina.

L-Arċisqof semma li l-Mulej jifhem li huwa sinjal ta’ kontradizzjoni. Huwa fakkar li meta Marija ppreżentat lil Ġesù fit-tempju, Xmun qallha li Ġesù għandu jkun sinjal ta’ kontradizzjoni u lilha sejf għandu jniffdilha qalbha.

Kliem ta’ kundanna u innoċenza

Fost il-kliem ta’ kundanna li nisimgħu jingħad lil Ġesù nisimgħu wkoll kliem li jiddikjara l-innoċenza tiegħu, qal l-Arċisqof. Huwa semma li kien Pilatu stess qal li ma jsib l-ebda ħtija fih u anke l-ħalliel t-tajjeb irrepeta l-istess kliem. L-innoċenza ta’ Ġesù tintwera wkoll kemm miċ-ċenturjun kif ukoll minn Ġużeppi ta’ Arimatea. Dan juri, qal l-Arċisqof, li kien hemm fost il-kapijiet min kien jemmen li Ġesu kien qed jgħid il-verità.

Fir-rakkont ta’ San Luqa, Ġesù ma kienx biss vittma innoċenti, innota l-Arċisqof, iżda wkoll l-avukat tal-bnedmin meta jgħid lil Alla biex jaħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.

L-Arċisqof fl-aħħar tal-omelija għamel spunt qasir bl-Ingliż indirizzat lejn il-barranin li kienu qed jieħdu sehem fil-quddiesa.

L-attivitajiet matul il-Ġimgħa Mqaddsa

F’Ħamis ix-Xirka, fid-9.15am l-Arċisqof se jkun qed jikkonċelebra quddiesa fejn fiha jitbierek iż-żejt li jintuża matul is-sena fiċ-ċelebrazzjonijiet Liturġiċi. Filgħaxija se jkun qed jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tat-Tifkira Solenni tal-ikla tal-Mulej bil-ħasil tar-riġlejn.

Il-Ġimgħa f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3.30pm l-Arċisqof se jkun qed imexxi t-Tifkira Soleni tal-Mewt tal-Mulej.

Sibt il-Għid, l-Arċisqof Scicluna se jkun qed imexxi il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet. il-Vġili tibda fit-8pm.

Fl-10.30am, il-Ħadd, l-Arċisqof se jkun qed imexxi l-Quddiesa tal-Għid tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet.