Il-mediċina personalizzata toffri kura speċifika għal kull pazjent

Il-mediċina personalizzata hi rivoluzzjoni fil-qasam tax-xjenzza medika u tippreżenta diversi sfidi etiċi. Biex ikunu diskussi dawn l-isfidi, l-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenza din il-ġimgħa organizzat ‘workshop’ fil-Vatikan dwar “Ir-Rivoluzzjoni tal-Mediċina Personalizzata”. Din il-laqgħa poġġiet il-mistoqsija “Issa se nfejjqu l-mard kollu; u b’liema prezz?”.

Il-mediċina personalizzata toffri metodu terapewtiku li jaqsam lin-nies fi gruppi differenti skont l-informazzjoni ġenetika tagħhom biex imbagħad jittieħdu deċiżjonijiet, isiru interventi u jingħataw mediċina, mfassla speċifikament għal kull pazjent skont il-kompożizzjoni ġenetika tiegħu.

Il-Professur Yechiel Michael Barilan, espert fil-Mediċina Interna fl-Università ta’ Tel Aviv, li qed imexxi dan il-‘workshop’, qal lill-Vatican News li l-mediċina personalizzata tipprezenta żewġ rivoluzzjonijiet.

Din toħloq rivoluzzjoni parzjali fil-qasam tal-mediċina għax se tkun “aktar u aktar speċifika fuq livell tal-mollikoli ta’ kull marda”. Dan ifisser, per eżempju, li jkunu eżaminati l-fatturi molekulari u ġenetiċi tad-dijabete u ta’ kull marda oħra.

Iżda l-akbar rivoluzzjoni li ġġib magħha l-mediċina personalizzata, skont il-Professur Barilan, hi “li tipprova tarmi l-kunċett tal-mard u minn banda tiġbor biss ħafna nformazzjoni bioloġika bħalma huma l-proteini u l-genes, tpoġġi kollox f’computer u tħallih jagħmel il-kalkoli u dan joħroġ struzzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa tal-individwu.”

Sfidi etiċi     

Prof. Barilan jammetti li din it-tip ta’ mediċina toffri diversi sfidi etiċi.  Problema ġenerali hi dik tal-kunflitt ta’ interess u l-periklu li l-industrja tal-farmaċewtika ixxaqleb favur xi tip ta’ mediċina.

Barra minn dan, ir-relazzjoni tabib-pazjent se tbati bħala riżultat tal-mediċina personalizzata għax il-kompjuter se jidħlu bejniethom għax se jkunu dawn il-makni li janalizzaw l-informazzjoni miġbura u mhux it-tabib.

Jeżisti wkoll ir-riskju li jkollna definizzjoni ġdida ta’ x’inji ‘saħħa’.

Riskju ta’ aljenazzjoni      

Għall-Profn Barilan, il-mediċina personalizzata tpoġġi wkoll ir-riskju li ċerti nies ikunu aljenati mis-soċjetà, minħabba li jkollhom karatteristiċi ġenetiċi jew mard li jista’ jkun klassifikat bħala li joffri “riskju kbir” jew għax ma jirrispondux tajjebbiżżejjed għat-terapija li ssirilhom.

Din it-tip ta’ mediċina tista toħloq ukoll “riorganiżazzjoni tas-soċjetà umana fuq kemm persuna hi “tajba” jew “ħażina” bħala kreatura bioloġika.

Il-miri tal-ħajja umana

Prof. Barilan żied jgħid lill-korrispondonet tal-Vatican News li l-kwestjonijiet marbuta mal-mediċina personalizzata u max-xjenza b’mod ġenerali mal-mira finali tal-ħajja umana jew l-iskop tal-ħajja tal-bniedem.

“Fix-xjenza u l-mediċina, jekk ma taħsibx dwar il-mira aħħarija tal-ħajja u l-valuri, hi ħidma vojta u bla sens u tista’ tagħmel ħsara kbira.”

Kemm il-Vatikan kif ukoll ix-xjenzjati li attendew dan il-‘workshop’ huma mpenjati favur il-miri tal-ħajja umana anke jekk ma hemmx qbil komplet dwar x’inhuma dawn il-miri.