Reuters

Persuna mejta u tlieta oħra midruba fi sparatura barra post tad-divertiment ġewwa Melbourne fl-Awstralja.

Il-Pulizija qalu li l-isparatura seħħet għall-ħabta tat-3.15am. Tliet uffiċjali tas-sigurtà u raġel li kienu qed jistennew biex jidħlu f’dan il-post ittieħdu l-isptar wara li nltaqtu mill-isparaturi. Skont il-pulizija l-persuna li sparat it-tiri kienet f’karozza. Il-persuni li nltaqtu jidher li kienu viċin u għalhekk sofrew ġrieħi gravi. Wieħed mill-vittmi miet l-isptar, ieħor jinsab f’qagħda kritika filwaqt li t-tnejn l-oħra jinsabu f’qagħda stabbli.

Jidher li s’issa ma hemmx konferma jekk dan l-attakk hux wieħed terroristiku. Fl-entratura tal-post fejn seħħet l-isparatura kien hemm ħwejjeġ imċapsin bid-demm kif ukoll diversi balal. Il-pulizija appellat biex kull min ra karozza għaddejja b’veloċità qawwija għall-ħabta tat-3am jinfurmahom. Madankollu karozza Porsche sewda nstabet maħruqa f’Wollert, fit-tramuntana ta’ Melbourne. S’issa il-pulzija għadha ma arrestat lil ħadd.