Ħabib ta’ Laura Paffenholz qal fuq Facebook li għadu ma jistax jemmen li din it-tfajla mietet b’mod daqshekk traġiku. Sostna li mhux se jgħidilha ċaw għax jemmen li se jerġa’ jaraha.

It-tfajla Ġermaniża ta’ 23 sena tilfet ħajjitha b’mod traġiku tard is-Sibt filgħaxija wara li waqgħet minn fuq mutur li kien qed isuq żagħżugħ ta’ 23 sena miż-Żejtun. Trakk li kien qed isuq wara l-mutur spiċċa sabiex għadda minn fuqha. L-inċident seħħ fi Vjal Santa Luċija.

Tfajla oħra li għamlet xi ġimgħat tgħix fl-istess appartament ma’ Paffenholz sostniet li tħossha onorata li kellha l-opportunità tiltaqa’ magħha. Qalet li Paffenholz kienet tfajla qalbenija u qatt ma kienet se tinsa l-mumenti sbieħ li qattgħu flimkien.

Aqra: Ġermaniża titgħaffeġ taħt trakk wara waqgħa minn mutur

“Toroq bla regoli”

Bosta persuni kkritikaw b’mod aħrax il-mod ta’ kif qed jitranġaw it-toroq prinċipali madwar il-Gżejjer Maltin. Insistew li t-toroq Maltin saru propja sodda tal-mewt. Bosta qalu li d-debris li kien hemm fit-triq li wassal sabiex is-sewwieq tal-mutur jitlef il-kontroll kien nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet.

Oħrajn sostnew li hemm bżonn li wieħed iżomm f’moħħu lis-sieħeb tat-tfajla li kien qed isuq il-mutur. Appellaw lil kull min jafu sabiex jitkellem miegħu għax din kienet esperjenza ħarxa.

“L-inċidenti m’għandhomx x’jaqsmu max-xogħol fit-toroq”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Ian Borg qal li l-inċidenti li seħħew fl-aħħar jiem ma seħħewx kawża tax-xogħol li bħalissa hemm għaddej fit-toroq. Appella sabiex il-pubbliku jkun aktar responsabbli meta jsuq.