Iż-żewġ aħwa akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia ingħataw il-ħelsien mill-arrest dwar il-każ tal-ħasil tal-flus. Madanakollu huma se jkunu qed jibqgħu jinżammu taħt arrest minħabba d-deċiżjoni tal-każ tal-assassinju fejn repetutament ġew irrifjutati l-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Joe Mifsud diġà kien ta l-ħelsien proviżorju mill-arrest lil Alfred (il-Fulu) u George (iċ-Ċiniż) Degiorgio fejn jidħlu akkużi ta’ ħasil ta’ flus f’Ottubru tal-2018. Intant is-sieħba ta’ George Degiorgio, Adelina Pop li wkoll kienet involuta fil-każ ingħatat il-ħelsien mill-arrest f’seduta preċedenti.

L-aħwa Degiorgio issottomettew applikazzjoni fil-Qorti fid-29 ta’ Marzu fejn talbu għall-ħelsien mill-arrest. L-Imħallef Giovanni Grixti, fid-deċiżjoni tiegħu, osserva li kien hemm mertu għall-konsiderazzjoni tal-applikazzjoni għax ix-xhieda kollha kienu taw it-testimonjanzi tagħhom fil-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. L-Imħallef kompla jgħid li t-tħassib tal-Avukat Ġenerali li dawn l-irġiel mhux ta’ min jafdahom kien hemm bżonn li tiġi ssapportjata bl-evidenza, anke jekk minima.

George u Alfred Degiorgio, flimkien ma’ Anca Adelina Pop, tressqu quddiem il-Qorti fejn instemgħu bosta xhieda jitkellmu dwar il-ħajja sinjura tagħhom, minkejja li ma kienux jaħdmu.

L-investigazzjoni fl-assassinju ta’ Caruana Galizia wasslet għal investigazzjoni separata f’attivitajiet suspettati ta’ ħasil tal-flus, wara li l-kontijiet tal-bank tagħhom daħlu taħt skrutinju. Il-Qorti kkonkludiet li l-akkużat ma kellhomx bżonn jinżammu aktar taħt arrest. Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €35,000 u garanzija personali ta’ €35,000, kif ukoll mitluba jiffirmaw fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa. Intant ġiet imposta wkoll li ma jitħallewx joħorġu mid-dar bejn l-10pm u s-7am.