Miguela Xuereb

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg stqarr li l-inċident fatali li seħħ matul il-lejl li għadda sar fuq triq eżistenti u mhux fejn bħalissa qed isir ix-xogħol fi Triq Buqana.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Borg qal li għaldaqstant Infrastructure Malta mhu se tagħmel l-ebda inkjesta separata.

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll id-deputat Hermann Schiavone staqsew jekk il-Gvern kellux il-ħsieb li jagħmel stqarrija dwar l-inċident tal-bieraħ.

Filmat: 2 mejta; 2 fil-periklu tal-mewt u 4 midruba fl-Imġarr

Il-Ministru qal li l-inċident seħħ ‘head on’, fi kliemu, fi triq li ilha hemm numru ta’ snin.

Id-Deputat Speaker Claudette Buttiġieġ waqqfet l-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni u infurmatu li l-ħin tal-mistoqsijiet kien skada.

Intant, waqt id-dibattitu dwar ir-rapport GRECO, id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista ma kienx se jinsa lil min tilef ħajtu minħabba nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-gvern b’refenza diretta lejn l-inċident fatali fi Triq Buqana.