11:58 Is-seduta tal-lum tintemm. Il-każ ikompli jinstema’ għada fil-11 am. Il-Maġistrat Joe Misfud jirrimarka li s’issa nstemgħet ix-xhieda tal-17-il persuna. Fit-3 ta’ Ġunju għandu jsir l-aċċess għall-għalqa ta’ fejn instabu l-katavri u għad-dar tal-vittmi.

11:55 Il-pubbliku u l-ġurnalisti jitħallew jergħu jidħlu fl-awla. Iz-zija tiegħi għadha tixhed u tgħid li taf lill-akkużat bħala bniedem sew u li dejjem kien joffri l-għajnuna.

11:45 Il-Maġistrat jordna lill-pubbliku u lill-ġurnalisti biex joħorġu mill-awla sakemm tixhed waħda miz-zijiet tal-imputat.

11:44 Waħda miz-zijiet l-oħra tal-imputat tgħid li ma tistax tiżvela dak kollu li tixtieq tgħid fil-pubbliku għax riedet issemmi xi affarijiet li kienet qaltilha oħt l-imputat fil-kunfidenza. Qalet li fl-2017 oħt l-akkużat qaltilha li kien abbużaha. Qalet ukoll li kienu miġġildin wara li talbitu xi pjaċir imma ma qdihiex. Però, reġgħet tkellmet magħha sena wara imma ma semmitilha xejn. Skont iz-zija tal-imputat, fl-2014 oħtu kienet tkellmet dwar il-ħajja sesswali tagħha.

11:42 Tixhed qariba oħra. Tgħid li tinsab mistgħaġba bil-biċċa. Taf lil akkużat bħala tifel kwiet. “Qatt ma daħalli minn rasi” qalet il-mara dwar id-delitt. Però, tgħid ukoll li ma tafx jekk kienx hemm “xi ħaġa” bejniethom.

Qtil doppju: Il-ġirien qatt ma basru li seta’ joqtol – rapporti

11:40 Mistoqsija dwar x’taħseb dwar l-akkużat, iz-zija li daħlet tfittex miegħu tgħid li tafu bħala “bniedem sewwa ħafna”. Tgħid li qatt ma kellha xi tgħid miegħu u li ommu kienet tgħid li kollox hu kien jagħmel fid-dar meta kien ikun hemm bżonn xi xogħol. Qalet li ħadd ma ġieha xi ħsieb li seta’ wasal biex qatel lil ommu u lil oħtu. Qalet li kieku kienet taħseb hekk ma kinetx se tidħol waħedha miegħu f’dar ommu. Madanakollu spjegat li ma tafx kif kienet ir-relazzjoni tal-akkużat ma’ ommu u ma’ oħtu.

11:35 Iz-zija tal-imputat qalet li reġgħet marret sad-dar tal-vittmi. Sabet lill-imputat li talaba tmur tiċċekja miegħu ġewwa. Qalilha biex tiġi miegħu għax jekk jidħol waħdu ommu jaf taħseb li daħal jisraq. Zitu tgħid li waqt li kien qed jiftaħ il-bieb qalilha, “Jien inħobbha lil ommi, imma…”. Tgħid li kliemu waqaf s’hemm. Daħal fid-dar ta’ ommu u għajtilha. Ħadd ma rrisponda. Tela’ jfittex imma ma sab xejn.

11:30 Tixhed waħda miz-zijiet tal-imputat li qalet li ntalbet minn missieru biex imur jittawwal sa ħdejn il-mara tiegħu u t-tifla tiegħu. Kien ipprova jċemplilhom imma ma qabdux it-telefon. Qalet li marret tħabtilhom id-dar imma ma fetaħ ħadd. Spjegat li wara, xi uffiċjal tal-pulizija talabha terġa’ tmur tiċċekkja sew. Hi ħasbet li forsi ħarġu x’imkien jew li kienu qegħdin l-isptar.

Qtil doppju: “Salvani minn relazzjoni t’abbuż” – l-għarusa tal-akkużat

11:27 Il-pulizija jgħidu wkoll li ntalbu jfittxu għal mazza li ntużat fil-każ fil-faċilita tal-Wasteserv f’Ħal Far. Qalu li hellhom deskrizzjoni ta’ mazza tal-metall li x’aktarx kienet maħruqa. Infatti, wara tfittxija minn numru ta’ pulizija u ħaddiema tal-Wasteserv, din il-mazza nstabet b’ammont ta’ nigrufun magħha.

Newsbook.com.mt kien staqsa lill-Pulizija dwar jekk il-ħaddiema tal-Wasteserv kellhomx it-taħriġ meħtieġ biex jipparteċipaw fit-tfittxija. Il-Pulizija qalet li “minħabba li l-investigazzjonijiet fuq dan il-każ għadhom għaddejjin, ma jkunx prudenti li tingħata aktar informazzjoni.”

11:25 Skont il-Pulizija, f’mument waqt il-proċess ta’ interrogazzjoni, l-akkużat deher bħal qisu jrid jikkoopera. Qalilhom li l-arma li uża għad-delitt kien għamilha hu stess. Qalilhom ukoll li kienet moħbija taħt xi ġebel f’għalqa. Uffiċjal tal-Pulizija kien se jixhed ukoll dwar x’qalilhom l-imputat dwar kif wettaq id-delitt. Il-Maġistrat Joe Mifsud iwaqqfu għax dawn id-dettalji kienu diġà nstemgħu qabel.

11.20 Instema’ wkoll li l-awtopsja saret fl-istess ġurnata. Irriżulta li oħt l-akkużat, Angele Bonnici, laqtet żewġ tiri f’rasha u ġrieħi f’wiċċha, filwaqt li ommu, Maria Lourdes, kelli feriti f’rasha u f’wiċċha. L-omm laqtet tir ukoll imma l-bullet ma nstabitx fil-ġisem.

11:15 Jixhed surġent li jaħdem fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Jgħid li ntalab biex imur id-Depot fil-Furjana fis-1am fit-30 ta’ Marzu. Stqarr li hu mar fl-għalqa fejn indifnu l-katavri fejn sab tim forensiku. Żied jgħid li l-katavri kienu qrib kamra żgħira, maġenb ħajt tas-sejjieħ. Fisser li minn hemm il-katavri ttieħdu f’kamra mortwarja bil-karozza tal-mejtin tal-Pulizija.

Qtil doppju: Familja mġarrba b’delitt imwettaq mill-missier

11.10 Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Joseph Bonnici akkużat li qatel lil ommu u lil oħtu. Illum mistennija jixhdu numru ta’ Pulizija.